Ryan Callus, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus sostna fil-parlament li fil-każ tal-frodi elettorali fis-Siġġiewi reġa’ kien konfermat li kien kien hemm prattika korrotta minn gvern korrott.
Ryan Callus qal li r-reġistru elettorali kien pubblikat fl-20 ta’ April 2024 u hu mar żjara fil-blokka Silvio Parnis fis-Siġġiewi għaliex kien jidher li kienu żdiedu 99 persuna skont ir-reġistru elettorali.
Irriżulta li minn din iż-żjara li ma kien hemm l-ebda persuni, ma kien hemm l-ebda meter tad-dawl u l-ilma, kien hemm trab kullimkien, ħaddiema jaħdmu, ħmieġ, twieqi maħmuġin, blokki tal-lifts esposti, railings tat-taraġ mhux insallati; ma kien joqgħod assolutament ħadd.
Kien għalhekk li l-PN fetaħ ir-rikors għaliex dik li dehret ovvja issa kienet kienet konfermata mill-qorti f’sentenza mogħtija fil-15 ta’ Mejju 2024. Mis-sentenza rriżulta li l-Maġistrat ħasset li kellha tagħmel żjara fil-blokka u daħlet fil-binja biex rat l-appartamenti.
Il-Maġistrat qalet li żaret il-post allokat u li rat personalment li ma kien hemm l-ebda sinjal ta’ abitazzjoni għaliex kien għeri għal kollox skont kif jidher fil-filmati meħuda. Il-Qorti kkonkludiet li ma kien joqgħod ħadd fil-blokka u li l-kuntratt tal-kera kien għadu lanqas sar u ma kinux ingħataw iċ-ċwievet.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Qorti stabbiliet ukoll li rappreżentanti ta’ Identità ntbagħtu fil-binja fejn lil minn taw appartamenti qalulhom biex imorru fil-post biex jiffirmaw li huma jabitaw hemm.
F’waħda mill-blokka Silvio Parnis hemm miktub ‘Uffiċċju ta’ Reġistrazzjoni’ biex dawn l-uffiċjali ta’ Identità jmorru jilqgħu lil eletturi li intbagħtu mill-gvern biex bidlu l-karta tal-identità fuq dan l-indirizz il-ġdid. Is-sentenza tgħid ukoll li l-Qorti hi impressjonata bl-għaġġla fil-bdil tal-indirizzi li l-karta tal-identità għandhom informazzjoni importanti nieqsa.
Minkejja dawn in-nuqqasijiet bżonnjużi, Identità tipproċessa xorta din l-applikazzjoni, stabbiliet il-Qorti. Dan juri, sostna Ryan Callus, li l-istituzzjonijiet kollha tal-pajjiż kienu ingaġġati mill-gvern biex issir frodi elettorali fis-Siġġiewi.
Kien hemm uffiċjal minn Identità li iffirma bħala xhud li l-elettur kien qed jabuża f’dik il-binja meta kien ovvju li ma kien hemm l-ebda resident f’dik il-binja. Dan meta din il-binja kienet fantażma. Dan ifisser li uffiċali tal-istituzzjonijiet li wettqu reati, sostna Ryan Callus li kompla li l-Qorti stabbiliet ukoll li din hi prattika korrotta ta’ gvern korrott fil-fibra kollha tiegħu.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li kien ħass l-obbligu li jmur jixhed fuq din il-ħniżrija fuq din il-frodi elettorali. Il-Qorti qed tgħid li dawn in-nies li ffirmaw dikjarazzjoni falza wara li kienu mġiegħla mill-gvern u l-Qorti ordnat li l-pulizija tipproċedi, sostna Ryan Callus.