Elezzjonijiet 2024 Lokali

“Robert Abela ma jistax jibqa’ jagħmel li jrid hu” – Bernard Grech

Filwaqt li rringrazzja lill-kunsilli lokali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’attività politika fil-Ġnien il-Kunsill fis-Swieqi, saħaq li huwa għotja ta’ servizz lill-poplu Malti li wieħed joffri li jikkandida ruħu għall-elezzjoni. Il-politikanti vera jemmnu f’politika nadifa, u ħidma li taħdem għar-residenti tal-lokalità. Iżda l-Gvern tal-Partit Laburista mhuwiex iħalli lill-kunsilli jaħdmu.

Grech sostna li Robert Abela qed jattakka lill-media indipendenti għaliex mhux qed jagħmlu kif iridhom hu imma qed jagħmlu kif suppost, iwettqu dmirhom biex pajjiżna jkun pajjiż demokratiku u jikxfu l-qerq tal-Gvern tal-Partit Laburista. Gvern li lest li jagħmel minn kollox biex jikkontrolla l-istituzzjonijiet kif ukoll jagħmel minn kollox biex iżomm id-distakk elettorali biex “hu akkost ta’ kollox jagħmel li jrid hu”.

Hu semma’ kif Robert Abela qed jisraq il-kunsill lokali tas-Siġġiewi bis-serq tal-voti fuq residenti li mhumiex qed joqogħdu hemm. Għaldaqstant huwa saħaq li l-Qorti ddikkjarat li dan huwa “frodi elettorali”. Fil-fatt il-Qorti illum talbet lill-Pulizija biex issib min huma l-uffiċjali pubbliċi tal-gvern li qed jagħmlu frodi elettorali talli ppruvaw jagħmlu cover-up.

Huwa qal ukoll kif għalkemm Robert Abela qed jgħid li jrid li toħrog l-inkjesta maġisterjal tal-Vitals fil-Qorti huwa qal li ma jridx jagħti l-inkjesta maġisterjali lill-Partit Nazzjonalista. Tant li Robert Abela qed juża l-informazzjoni biex jhedded lil-persuni biex ma jikxfux lil ħaddieħor.

Grech għalaq id-diskors tiegħu billi nkoraġġixxa lill-poplu Malti u Għawdxi biex iħares ‘il quddiem lejn l-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju għaliex dawn huma elezzjonijiet importanti li fihom irridu nibagħtu messaġġ ċar lir-Robert Abela li ma jistax jibqa’ jagħmel li jridu hu biss.