Lokali Parlament

Roderick Galdes jattakka lill-Qorti dwar il-frodi elettorali mill-Gvern fis-Siġġiewi


Wara li l-Qorti llum sabet li kien hemm frodi elettorali fil-mod kif inqalbu karti ta’ identità ta’ 99 persuna fuq blokka ġdida vojta ta’ appartamenti fis-Siġġiewi, il-Ministru għall-Akomomadazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes illum fil-Parlament attakka lill-Qorti billi sostna li l-PN għandu miegħu lill-Qrati.


Dan l-attakk tal-Ministru Roderick Galdes sar meta fil-Parlament kienet qed issir id-diskussjoni dwar l-Awtorità tad-Djar u wara li diversi deputati Nazzjonalisti kkritikaw il-mod kif il-Gvern Laburista wettaq frodi elettorali fil-blokka ġdida ta’ appartament ‘Silvio Parnis’ billi nqalbu 99 karta tal-identità fuq din il-blokka meta din għadha mhux lesta biex fiha jgħixu n-nies.


Il-Qorti stabbiliet li ma kien jgħix ħadd f’din il-blokka u li x-xogħlijiet għadhom mhumiex lesti.


Quddiem din il-kritika tal-Oppożizzjoni, il-Ministru Galdes attakka lill-Qorti billi sostna li l-PN għandu lill-Qrati u lill-establishment miegħu.


Din id-dikjarzzjoni ġabet reazzjoni minn diversi deputati Nazzjonalisti fosthom Claudette Buttigieg u Ryan Callus, bi Claudette Buttigieg tiġbed l-attenzjoni tas-Sedja biex il-Ministru Galdes jirtira jew jissostanzja dan l-attakk fuq il-Qrati. Il-Ministru Galdes ma ssostanzjax din l-allegazzjoni.


Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Galdes ċaħad li kien hemm frodi elettorali u qal li l-Gvern Laburista ma kienx se jagħmel il-frodi fuq l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali u sejjaħ l-elezzjonijiet tal-kunsili lokali bħala “biċċa elezzjoni tal-Kunsilli Lokali (fis-Siġġiewi)”.