Il-Prim Ministru Slovakk, Robert Fico qed jiġġieled għal ħajtu wara li spiċċa mira ta’ assassin li sparalu numru ta’ tiri waqt li hu kien ħiereġ minn laqgħa tal-Gvern f’Handlova, lejn il-grigal tal-kapitali Bratislava.
Il-pulizija u l-membri tas-sigurtà ma damux biex irażżnu lill-aggressur wara li hu spara talanqas ħames tiri fid-direzzjoni ta’ Fico, li spiċċa midrub f’żaqqu. L-investigazzjonijiet qed ikomplu u wara li l-Prim Ministru ttieħed b’urġenza, b’ħelikopter, lejn l-isptar ta’ Banska Bystrica.
Robert Fico – populista veteran li jammira lill-Mexxejja radikali bħall-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orban u l-eks-President tal-Istati Uniti Donald Trump – hu l-Kap tal-Partit tax-xellug Smer-SSD u fil-preżent qed imexxi lill-Gvern ta’ koalizzjoni fi Bratislava.
U filwaqt li pajjiżu hu membru tal-Unjoni Ewropea, Fico, fil-passat, hu magħruf ukoll bħala ammiratur tal-politika li biha qed imexxi l-Presdent tar-Russja Vladimir Putin.
Fl-2018 – qabel il-‘comeback’ elettorali tas-sena l-oħra — Fico kien imġiegħel jirriżenja minn Prim Ministru wara l-omiċidju tal-ġurnalista investigattiv Slovakk Jan Kuciak li kien qajjem ferment kbir żfuq bażi nazzjonali.
Fil-media soċjali, bħalissa, qed jiċċirkulaw il-filmati tal-aggressur suspettat waqt li qed ikun imrażżan mill-pulizija li wieġbu minnufih għall-emerġenza.
Dan waqt li l-uffiċjali tal-Gvern ikkonfermaw li l-isparatura kienet attentat ċar fuq il-ħajja ta’ Fico, għalkemm huma ma qalux jekk il-każ setax kellu skop politiku inkella kienx, fil-fatt, relatat mat-terroriżmu.
Fl-aħħar sigħat ukoll, il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea u ta’pajjżi oħra esprimew xokk u solidarjetà mal-Islovakki – bil-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, tikkundanna l-attakk fuq Fico li fissritu bħala ‘wieħed viljakk li ħaqqu l-istmerrija ta’ kulħadd’.
Mexxejja oħra tal-Unjoni Ewropea, fosthom il-Prim Ministru Rumen, Marcel Ciolacu, il-Prim Ministru Orban u l-Prim Ministru Ċek, Petr Fiala, ukoll ikkundannaw l-attakk li qed jissemma fost l-aktar inċidenti serji qatt immirati lejn Kap ta’ Stat li hu membru tal-Unjoni Ewropea.
//= $special ?>