Internazzjonali

Stati Uniti: Possibbiltà li l-Boeing tispiċċa suġġetta għal prosekuzzjoni kriminali

Id-Dipartiment tal-Ġustizzja fl-Istati Uniti qed jikkunsidra jekk jipproċedix b’rikors kriminali fil-konfront tal-kumpannija Boeing…Dan b’konnessjoni ma’ żewġ każi ta’ tiġrif fatali li seħħew snin ilu u li kienu jinvolvu l-ajruplani tat-tip 737 Max.

Qed jingħad li l-Boeing – forsi l-akbar isem fl-industrija tal-avjazzjoni – kisret it-termini ta’ ftehim li kien sar fl-2021…Ftehim li kien qed jipproteġi lil din il-kumpannija milli tiffaċċja l-akkużi kriminali relatati mal-inċidenti.

Iż-żewġ każi tat-tiġrif kienu seħħew fl-Indoneżja, fl-2018 u fl-Etjopja, sena wara; bl-inċidenti jissarrfu f’total ta’ 346 vittma.

U waqt li l-kelliema għall-Boeing qed jiċħdu li kisru l-ftehim, id-Dipartiment Amerikan għall-Ġustizzja qed jgħid li l-kumpannija naqset milli ‘tfassal, timplimenta u tinforza programm ta’ kooperazzjoni u etika biex tilqa’ kontra u daqstant ieħor tindika l-abbuż tar-regoli dwar frodi permezz tad-diversi taqsimiet tagħha’.

Il-Boeing, skont il-kundizzjonijiet tal-ftehim, kienet ħallset viċin l-ekwivalenti ta’ tlett biljun ewro f’kumpens għall-inċidenti — u meta l-prosekuturi qablu li jitolbu lill-Qorti biex twaqqa’ l-akkuża fuq bażi kriminali kontra din il-kumpannija wara perjodu ta’ tlett snin.

Madankollu, il-qraba tal-vittmi baqgħu jinsistu li jitressaq rikors kriminali kontra l-kumpannija Boeing – li issa għandha sat-13 ta’Ġunju biex twieġeb għall-allegazzjonijiet. It-tweġiba tagħha, imbagħad, għandha tkun ikkunsidrata mid-Dipartiment Amerikan għall-Ġustizzja.