Fid-diskors tagħha fis-Swieqi, il-kandidata tal-Partit Nazzjonalista għall-MEPs Norma Camilleri bdiet billi semmiet l-importanza tal-Unjoni Ewropea f’pajjiżna, u fakkret kif il-Partit Nazzjonalista kien fundamental fit-tfassil ta’ pajjiżna fl-aħħar għoxrin sena.
Camilleri kompliet iżżid kif il-politikanti għandhom iservu lill-poplu u mhux jiġu moqdija mill-poplu. Hi enfasizzat id-differenza kbira bejn iż-żewġ partiti, u żiedet li tinsab lesta sservi lill-poplu Malti jekk jixtieq jafdaha.
Norma Camilleri wkoll ikkummentat fuq il-problemi kbar li hemm fis-settur tas-saħħa, b’enfażi partikolari fuq in-nuqqas ta’ ħsieb fuq is-saħħa mentali f’Malta. Camilleri stqarret li bil-kundizzjonjiet li hemm fl-isptarijiet, wieħed ma jistax jiġi kkurat b’mod professjonali.
Hi kompliet tgħid kif apparti l-isptarijiet, l-ambjent huwa fattur ieħor importanti għas-saħħa mentali tal-poplu Malti. Camilleri enfasizzat in-nuqqas ta’ spażji miftuħa f’pajjiżna, u n-nuqqas ta’ ndafa f’pajjiżna, kif ukoll il-problemi kbar li hawn fil-kostruzzjoni.
Camilleri temmet id-diskors tagħha billi ħeġġiet lin-nies jivvotaw lill-kandidati li huma lesti jservu lill-poplu Malti, u mhux jinqeda għall-gwadann personali.
//= $special ?>