L-Imħallef Toni Abela jiċħad it-talba tal-Partit Nazzjonalista biex il-Qorti jkollha kopja sħiħa tal-Inkjesta Maġisterjali tal-Vitals.
Dan waqt seduta oħra tal-kawża li originarjament fetaħ il-Partit Nazzjonalista kontra l-Avukat tal-Istat dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet, fejn fiha qed jintervjenu l-Gvern u l-Kabinett fuq talba li saret fl-aħħar xhur.
L-Imħallef Toni Abela sostna li l-Qorti ma tistax tifhem kif partijiet mill-inkjesta spiċċaw imperċċa fil-midja u għadu ma nstabx min żvela din l-informazzjoni sensittiva tal-inkjesta Vitals. Toni Abela insista li l-Qorti Kriminali għandu jkollha s-setgħa li tiddeċiedi hi jekk l-Inkjesta Magisterjali għandhiex tiġi inkluża fi proċeduri oħra.
Dwar ir-rikors li ġie ppreżentat lill-Qorti aktar kmieni llum, l-Imħallef Toni Abela qal li din it-talba m’għandhiex aktar relevanza, għaldaqstant il-Qorti ċaħdet din it-talba.
Il-Qorti qed tagħti sal-25 ta’ Mejju sabiex il-partijiet jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom, u fis-27 ta’ Mejju, il-Qorti se tiddeciedi meta tingħata s-sentenza biex jingiebu lura l-400 miljun ewro li nsterqu mill-kumpanija Vitals, minn ħalq il-poplu Malti.
Il-Prim Ministru Robert Abela ma kienx preżenti meta l-Imħallef Toni Abela ta d-digriet dwar it-talba tal-PN.
Aktar kmieni waqt is-seduta quddiem l-Imħallef Toni Abela, Julian Farrugia f’isem l-Avukat tal-Istat, insista li l-Uffiċċju u l-Avukat tal-Istat m’għandux fil-pussess tiegħu kopja sħiħa tal-Inkjesta Magisterjali dwar Vitals, u oppona li l-Qorti tingħata kopja tal-Inkjesta Maġisterjali dwar Vitals.
Waqt id-deliberazzjoni, l-Avukat Edward Debono, li qiegħed jidher għall-Partit Nazzjonalista, insista li l-Avukat tal-Istat għandu jieħu passi kontra n-nies li jokkupaw l-ogħla kariga tal-Gvern, li kienu f’kollużjoni ma’ Vitals, u tiġi esebita kopja tal-Inkjesta Magisterjali lill-Imħallef.
Julian Farrugia f’isem l-Avukat tal-Istat, wieġeb billi qal li għal dak li talab il-Partit Nazzjonalista, li tiġi esebita kopja tal-Inkjesta Magisterjali, huwa ma jaqbilx. “Il-prova li l-atturi qed iġibu hija kompletament irrelevanti.”
Tul din is-seduta, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard kienu preżenti fl-awla u għamlu diversi interruzzjonijiet fejn il-Prim Ministru għadda anki kummenti lill-Kap tal-PN Bernard Grech u qallu, “issa naraw fit-8 ta’ Ġunju”.
//= $special ?>