Lokali

22 għaqda jipprotestaw favur Malta aktar nadifa

Ningħaqdu għal Malta Nadifa.

Din kienet l-għajta ii dwiet fit-toroq tal-Belt Valletta, f’dik li kienet it-tieni protesta f’temp ta’ ġimgħa; protesta li fiha ppartecipaw eluf ta’ żgħażagħ, studenti, għaqdiet varji, akkademici, u nies minn kull settur tas-socjetà li ħonqu Triq ir-Repubblika. Preżenti kien hemm ukoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.

In-nies li ħadu sehem f’din id-dimostrazzjoni kienu qed jipprotestaw mhux biss kontra l-attakki kontinwi u bla preċedent li qed jagħmlu l-Prim Ministru Robert Abela u l-Gvern tiegħu fuq il-ġudikatura u l-ġurnalisti, imma anke bl-għajta sabiex tintrefa’ r-responsabbiltà politika mill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali u Eks Ministru Laburista Edward Scicluna.

F’din il-protesta tkellem il-President Onorarju tal-għaqda Reppublika, Robert Aquilina, li saħaq li l-Prim Ministru Robert Abela qed jagħmel totalment il-kontra ta’ dak li ħalef għalih fil-ġurament tal-ħatra tiegħu. Hu tenna wkoll li fejn hemm l-għaqda hemm is-saħħa, u issa ħareġ biċ-ċar min verament jemmen fl-istituzzjonijiet ħielsa ta’ pajjiżna.

Il-protesta kienet indirizzata min-neputija ta’ Daphne Caruana Galizia, Megan Mallia, illi tkellmet dwar l-importanza li kull individwu jsemma’ l-vuċi tiegħu. Fejn spjegat li lil Daphne minkejja li qatluha, xorta waħda mhix siekta.

Preżenti għal din il-protesta kien hemm Pia Zammit, attivista u membru fl-għaqda Repubblika u Occupy Justice. Zammit tenniet li l-kelma ta’ Prim Ministru għandha impatt qawwi fuq il-poplu u minkejja li Robert Abela jaf dan, huwa jappella għall-kalma filwaqt li jsaħħan l-irjus.

Tkellem ukoll l-eks preżentatur Norman Vella – il-persuna li din il-ġimgħa kien konfermat li saret diskriminazzjoni politika mill-Gvern fil-konfront tiegħu. Bl-eks preżentatur jistqarr li l-politika qatt ma għandha tintuża għall-vendikazzjonijiet politiċi u wisq anqas għandha tintuża sabiex ikunu kkastigati l-ġurnalisti.

Indirizzat lill-folla preżenti Sarah Xuereb – membru fil-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ. Hi appellat sabiex iż-żgħażagħ li ddeskriviethom bħala l-futur ta’ pajjiżna, sabiex isejħu lil sħabhom u jagħrfu li huma l-bidla li tant hemm bżonn fil-pajjiż.

Tkellem ukoll Robert Louis Fenech, attivist u membru fil-Moviment Graffitti, li appella lill-Prim Ministru sabiex ma jikkastigax biss liż-żgħir filwaqt li tenna li l-Prim Ministru ma għandu qatt jimmina lill-ġurnalisti u l-ġudikatura sabiex jipproteġi lil tal-qalba.

Vicki Ann Cremona, il-President ta’ Repubblika, fakkret kif l-400 miljun ewro nsterqu minn ħalq dawk li kellhom l-aktar bżonn – bil-President ta’ Repubblika tistqarr li l-400 miljun ewro ngħataw lill-ħallelin minflok ġew użati sabiex l-isptarijiet Maltin u Għawdxin isibu saqajhom.

Luke Bonanno, f’isem il-KSU, enfasizza li l-aġir tal-Prim Ministru qed juri li Abela spiċċa kmandat min-nies ta’ madwaru. Hekk kif spjega li jidher ċar li Robert Abela ma jafx xi tfisser il-kelma establishment għaliex qed iħalli lil dawk ta’ madwaru jikkmandawh.

L-għaqdiet non-governattivi li ħarġu jipprotestaw kienu l-UĦM Voice of the Workers, l-Istudenti Demokristjani Maltin, il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ flimkien mal-Kunsill Studenti Universitarji, il-Moviment Graffitti, il-Medical Biochemistry Students’ Association, l-ICT Students’ Association, JEF Malta, PEN Malta, manueldelia.com, Occupy Justice, Vuċi Kollettiva, Fondazione Falcone, SOS Malta, l-MKSA, l-Għaqda tal-Istudenti tat-Teoloġija u l-Aditus.