Żagħżugħ ta’ 23 sena mill-Gambja ġie kkundannat disa’ snin u sitt xhur ħabs wara li ammetta, flok għadda ġuri quddiem l-Imħallef Neville Camilleri, li importa Malta sitt kilogrammi cannabis. Lamin Jobe kien qed jiffaċċja akkużi li fil-11 ta’ Ottubru 2022, u fix-xhur ta’ qabel, importa l-cannabis u li kellu fil-pussess tiegħu l-imsemmija droga.
Hu wieġeb ħati li importa u kien fil-pussess aggravat tad-droga waqt il-proċeduri ta’ kumpilazzjoni kontrih fit-12 ta’ Marzu biex ġie evitat proċess bil-ġurija. Jobe kien twaqqaf fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fil-11 ta’ Ottubru, 2022, mal-wasla tiegħu fuq titjira minn Bologna, l-Italja.
Tfittxija fil-bagalja tiegħu kienet irriżultat f’sejba ta’ 6kg kannabis, b’valur tat-triq stmat ta’ bejn €60,000 u €168,000. Fil-kunsiderazzjonijiet tiegħu dwar il-piena, l-Imħallef Neville Camilleri ħa inkonsiderazzjoni numru ta’ fatturi, partikolarment l-ammont ta’ droga involuta, il-valur tagħha kif indikat minn espert maħtur mill-Qorti u r-rwol u l-għarfien ta’ Jobe ta’ dak li kien qed jagħmel.
Filwaqt li nnutat li l-piena għar-reati li Jobe kien akkużat bihom kienet ta’ priġunerija għal għomru, il-Qorti qalet li sentenza ta’ għomru ma tkunx xierqa fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, speċjalment meta wieħed iqis l-ammissjoni tal-ħtija tal-akkużat quddiem il-Qorti ta’ Maġistrati.
Minbarra li kien ikkundannat disa’ snin u sitt xhur ħabs, ġie ordnat iħallas multa ta’ €15,000 u €3,972 oħra fi spejjeż. Il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska tal-proprjetà mobbli u immobbli kollha tar-raġel. Id-droga nstabet fil-bagalja stmati li kellhom valur fit-triq ta’ bejn €60,000 u €168,000. Qabel kellu jgħaddi ġuri hu ammetta l-akkużi miġjubin kontrih u l-Qorti ordnat ukoll l-iffriżar tal-assi tiegħu.