Internazzjonali

Iċ-Ċina: Vladimir Putin u Xi Jinping f’summit simboliku… Tissemma ‘soluzzjoni politika’ għall-gwerra fl-Ukrajna

Ir-Russja u ċ-Ċina, fl-aħħar sigħat, wasslu messaġġ konġunt lid-dinja li r-relazzjonijiet bilaterali huma b’saħħithom u mingħajr limiti fi żmenijiet mill-aktar inċerti għad-dinja.

Dan meta ż-żjara ta’ jumejn minn Vladimir Putin fiċ-Ċina għandha mhux ftit tas-simboliżmu – bil-President Russu qed jipprova juri li għandu ‘l-aħjar alleat’ fiċ-Ċina fi żmien meta r-Russja qed tħoss sew l-impatt tal-mijiet tas-sanzjonijiet tal-Punent b’konsegwenza tal-gwerra fl-Ukrajna li issa daħlet sew fit-tielet sena.

Is-summit, f’Beijing, ta’ Putin mal-President Ċiniż Xi Jinping qed isir fi żmien meta l-qawwiet Russi qegħdin jinsistu b’offensiva ġdida fuq ir-reġjun Ukren ta’ Kharkiv…U filwaqt li eluf kbar għandhom ħajjithom taħt theddida, il-President Xi Jinping qal, waqt it-taħditiet fil-kapitali Ċiniża, li pajjiżu u r-Russja kienu qablu dwar ‘soluzzjoni politika’ għall-kunflitt tal-Ukrajna.

Sadanittant, l-osservaturi fil-Punent ikkuntestaw l-istqarrijiet ta’ Putin u Xi Jinping fis-sens li ‘huma qegħdin ifittxu tmiem għall-gwerra’….Dan meta l-Mexxejja tar-Russja u ċ-Ċina fl-ebda ħin ma preżentaw blueprint jew pjan speċifiku dwar kif huma jistgħu jwaqqfu l-ostilitajiet fl-artijiet tal-Ukreni.

Vladimir Putin u Xi Jinping, fl-2022, kienu dikjaraw li r-relazzjonijiet tagħhom kellhom jilħqu ‘livelli straordinarji’ — jiem biss qabel il-qawwiet Russi invadew lill-Ukrajna. U ż-żewġ mexxejja faħħru mill-ġdid il-ħbiberija u l-aspetti ta’ politika komuni waqt kummenti lill-media f’Beijing.

Din kienet anki l-ewwel żjara minn Putin f’pajjiż ieħor mindu hu kien ikkonfermat mill-ġdid – u għall-ħames darba – bħala President tar-Russja..Konferma li rriżultat mill-elezzjoni ta’ ġimgħat ilu u li fiha hu ma kellu l-ebda Oppożizzjoni.

Intant, Moska qed tħares dejjem aktar lejn iċ-Ċina bħala l-potenza li tista’ issalvaha mill-konsegwenzi diżastrużi tas-sanzjonijiet għall-Magna tal-Gwerra tar-Russja. Dan meta l-Punent (speċjalment l-Istati Uniti) qed jakkuża lil Beijing b’li qed jgħin lill-impenji aggressivi ta’ Moska bil-proviżjoni ta’ materjal tekniku u komponenti oħra. Iċ-Ċina qed twieġeb li l-materjal inkwistjoni hu relatat mal-ekonomija u ma jistax jintuża għal xi skop letali

Il-President Xi, issa, qed jgħid li ċ-Ċina tinsab lesta biex tappoġġja ‘it-tisħiħ u tiġdid tagħha u tar-Russja bħala pajjiżi sħab’–  waqt li Putin qed ittenni li ‘il-kooperazzjoni bejn Moska u Beijing għandha titqies bħala fattur għall-istabbilità fuq livell globali’….Kummenti intiżi biex jisfidaw lill-Punent, fejn Vladimir Putin qed ikun investigat bħala kriminal tal-gwerra.

Fil-fatt, l-osservaturi qablu li ż-żjara minn Putin fiċ-Ċina kienet fuq kollox ippjanata biex tikkonsolida d-dehra ta’ appoġġ morali kontinwu minn Beijing għall-Mexxej Russu…Mexxej li spiċċa dejjem aktar iżolat u li ma jistax jivvaġġa lejn ħafna pajjiżi minħabba s-sogru li jispiċċa arrestat u mressaq quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali f’The Hague.