Lokali

Il-backbencher Alex Muscat ma jweġibx hekk hux se jappoġġja lil Joseph Muscat

Il-backbencher tal-Labour Alex Muscat ħarab għal kollox milli jwieġeb hekk hux se jkun qed jieħu l-parir ta’ Manuel Cuschieri u jappoġġja lill-Eks Prim Ministru Joseph Muscat billi jinżel quddiem il-Qorti.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, Net News staqsa lill-backbencher Laburista jekk hux se jkun preżenti quddiem il-Qorti fil-jum li fih l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat se jkun qed jitressaq b’akkużi serji ta’ frodi, ħasil ta’ flus u  misappropjazzjoni fost l-oħrajn. B’Alex Muscat jagħżel li jaħrab għal kollox milli jwieġeb il-mistoqsija… filwaqt li appella għall-kalma.

Joseph Muscat se jitressaq il-Qorti akkużat bi frodi u ħasil ta’ flus fost l-oħrajn, wara li ġiet konkluża l-Inkjesta Vitals dwar id-deal tal-isptarijiet – deal li ħarġu għalih miljuni kbar, kemm mill-Gvern ta’ Muscat u anke mill-Gvern attwali ta’ Robert Abela.

Akkużati ma’ Joseph Muscat hemm ukoll l-Eks Deputat Prim Ministru Chris Fearne, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Edward Scicluna li għadu sa issa għal kollox sieket dwar l-akkużi fil-konfront tiegħu, flimkien mal-id leminija ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi.

Dawn, flimkien ma’ lista twila ta’ persunii assoċjati mal-Labour li kollha jinsabu implikati f’dan l-iskandlu.