Kummerċ Lokali

Il-Fondazzjoni HSBC Malta tgħin lill-NGOs fl-okkażjoni ta’ Jum l-Omm u Jum il-Missier

Rappreżentanti tad-diversi NGOs, waqt il-preżentazzjoni tal-oġġetti miġbura għal Jum l-Omm u Jum il-Missier

Il-Fondazzjoni HSBC Malta, permezz ta’ inizjattiva oħra mill-isbaħ bil-ħsieb li tkompli tħeġġeġ l-attività fil-komunità, għenet b’mod sinifikanti sabiex jinġabru donazzjonijiet. Dan għamlitu b’kollaborazzjoni ma’ wieħed mill-klijenti ewlenin tagħha, ħaddiema tal-HSBC u s-sehem ta’ erba’ skejjel lokali. Din l-inizjattiva rnexxielha tgħaqqad flimkien ir-riżorsi u r-rieda tajba biex tgħin xejn inqas minn 21 NGO lokali, b’diversi donazzjonijiet li kienu miġbura fl-okażjoni taċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum l-Omm u Jum il-Missier.

L-iskejjel parteċipanti f’din l-inizjattiva li timmeritha kull tifħir, kienu jinkludu l-Kulleġġ San Benedittu – Helen Keller Resource Centre, żewġ skejjel f’Għawdex; l-Iskola Laura Vicuna fl-Għasri u St. Francis tar-Rabat, kif ukoll il-Kulleġġ ta’ De La Salle. Kull istituzzjoni minn dawn, kellhom rwol ċentrali sabiex jinġabru oġġetti essenzjali li jgħinu lill-NGOs fix-xogħol tagħhom fil-komunità.

L-NGOs li qed jibbenefikaw minn din l-inizjattiva huma meqjusa bħala entitajiet li qed jgħinu u jixprunaw il-bidla soċjali u l-appoġġ meħtieġ fis-soċjetà li lkoll niffurmaw parti minnha. Din id-darba, l-NGOs li bbenefikaw kienu LIFE Network Foundation Malta, S.T.A.N.D., Building Bridges, LOOP, Dar Bjorn, il-Fondazzjoni St Jean Antide, Dar il-Kaptan, YMCA, Fondazzjoni Suriet il-Bniedem, MCAST Student Support Services, Smiling with Jerome, Malta Trust Foundation, Fondazzjoni Dar il-Hena, il-Fondazzjoni RISE, FIDEM, il-Fondazzjoni Sebħ, Dar Hosea, Inspire, Foodbank Lifeline Foundation, Richmond Foundation u s-Soup Kitchen fil-Belt Valletta.

Kull waħda minn dawn l-organizzazzjoni rċeviet oġġetti li se jgħinu direttament fil-proġetti kontinwi tagħhom u fil-programmi ta’ assistenza komunitarja.

Il-Kap tal-Corporate Sustainability ta’ HSBC, Glenn Bugeja qal: “Ninsabu onorati li qed  niffaċilitaw din il-kollaborazzjoni bejn l-iskejjel tagħna u l-NGOs. Il-ġenerożità u l-ispirtu tal-komunità li wrew l-imsieħba u l-parteċipanti tagħna huma tassew ta’ ispirazzjoni. Għaldaqstant hu ta’ privileġġ għalina bħala HSBC, li nagħtu appoġġ lil dawn l-għaqdiet li tant jagħmlu ġid fil-komunità tagħna, speċjalment f’perjodu fejn qed niċċelebraw Jum l-Omm u Jum il-Missier, b’dan tal-aħħar għadna se niċċelebrawħ.”

Dan l-avveniment mhux biss jenfasizza r-rabtiet komunitarji b’saħħithom li għandna f’Malta, iżda jenfasizza wkoll l-impenn tal-Fondazzjoni HSBC Malta biex trawwem kollaborazzjonijiet li permezz tagħhom jinħolqu benefiċċji tanġibbli għas-soċjetà.