Lokali Parlament

Il-vittma fil-korruzzjoni tal-isptarijiet hu l-poplu u mhux min ħa l-miljuni


Cludette Buttigieg, PN


Id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg qalet fl-Aġġornament tal-Parlament li l-vittma fil-korruzzjoni tal-isptarijiet hu l-poplu u mhux min ħa l-miljuni.


Claudette Buttigieg qalet li l-pajjiż għaddej minn żmien turbulenti ħafna fejn in-nies huma inkwetati. Hi qalet li fit-8 ta’ Marzu 2013 kien elett il-PL taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat. F’dak l-ewwel kabinett ħatar lil Konrad Mizzi bħala Ministru tal-Enerġija u tas-Saħħa u miegħu kien hemm Chris Fearne bħala Segretarju Parlamentari. Fl-10 ta’ Ottubru 2014, il-grupp ta’ investituri Oxley Group għamlu ftehim sigriet mal-gvern ta’ Muscat biex imexxu l-isptarijiet.


Fl-20 ta’ Marzu 2015 Daphne Caruana Galizia semmiet lil Oxley Group għall-ewwel darba. Daphne Caruana Galizia kienet qalet li l-gvern kien diġà jaf min se jmexxi l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għaliex kien diġà sar ftehim f’Ottubru 2014. Ġimgħa wara dan l-artiklu, il-gvern ħareġ sejħa pubblika għat-tmexxija tal-isptarijiet.


F’dak il-perjodu, l-Oppożizzjoni għamlet ħafna mistoqsijiet li ma kenux iwieġba. Fit-13 ta’ Mejju 2015 twaqqfet VITALS li d-diretturi kienu Mark Pawley u Ram Tumuluri li ma kellhom ebda esperjenza fis-settur mediku.


Fl-istess ġurnata, permezz ta’ post u uffiċċju f’Malta twaqqfet il-kumpanija Blue Stone Malta, kumpanija marbuta ma’ kumpanija oħra barranija Blue Stone. Ħadd ma jaf ta’ min hi Blue Stone Malta. Din il-kumpanija kellha l-istess segretarju u kienet reġistrata f’Raħal Ġdid.


Claudette Buttigieg qalet li fid-9 ta’ Settemru 2015 il-gvern ħabbar li t-tmexxija tal-isptarijiet marret għand Vitals. Fit-22 ta’ Marzu 2016, ikun iffirmat il-kuntratt ma’ Vitals għat-tmexxija tal-isptarjiet u xahar wara Chris Fearne sar Ministru tas-Saħħa.


Fl-1 ta’ Ġunju 2016 tibda t-tmexxija tal-isptarijiet minn Vitals li wara saru Steward. Fl-ewwel sena biss fl-2016, għaddew €16-il miljun mill-gvern lil Vitals. Kien żvelat li dawk il-kumpaniji li twaqqfu fl-istess ġurnata, bdew jgħaddu l-flus minn waħda għall-oħra. Bejn l-2016 u l-2018 għaddew €1 miljun bejn dawn iż-żewġ kumpaniji.


Fl-24 ta’ Frar 2023, id-deputat Nazzjonalista Adrian Delia rebaħ il-kawża dwar l-isptarijiet fejn Qqorti ħassret dan il-kuntratt u għalhekk twaqqfu l-ħlasijiet lil Steward u l-poplu reġa’ ħa l-isptarijiet lura. Il-Kap tal-PN Bernard Grech u Adrian Delia fetħu kawża oħra biex il-poplu jieħu lura l-€400 miljun misruqa.


Il-gvernijiet Laburista ta’ Muscat u ta’ Abela baqgħu joħorġu l-miljuni lil Vitals u Stewrad avolja ma kien qed isir xejn fl-isptarijiet. Minkejja dan, fil-Parlament il-gvern baqa’ jgħaddilhom il-flus f’kull budget. Illum hemm min qed jipprova joħroġ tal-innoċenti minn din l-istorja. Il-PN oppona dan il-ftehim sa mill-2015.


Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-gvern kien jattakka lill-PN u jakkużah li qed jagħmel ħsara lis-settur tas-saħħa u sostniet li dak li kien qal il-PN mhuwiex fantażiji għaliex dan hu ħażen xokkanti. Mhux kulħadd kien involut f’din il-korruzzjoni iżda min m’għamel xejn biex iwaqqaf lil min qed jiffanga jmissu aġixxa differenti. F’dan il-każ kollu l-poplu hu l-miskin u mhux min baqa’ jtihom il-miljuni, sostniet id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg.