Lokali

“Inkwetati dwar in-nuqqas ta’ investiment fis-saħħa”

Hija inkwetanti li ma jkollnix flus għal proġetti li tant hemm bżonn fis-settur tas-saħħa.

Hekk iddikjara l-President tal-MUMN, Paul Pace, hekk kif innotta li l-pressjoni fuq l-isptarijiet qed tkompli tikber minħabba l-fatt li l-popolazzjoni splodiet f’dawn l-aħħar snin – xi ħaġa li l-PN ilu snin twal li wissa dwarha.

Apparti dak li qal Paul Pace ma’ Net News, hemm ukoll ix-xiehda ta’ diversi persuni li tkellmu magħna dwar sitwazzjonijiet li affaċċjaw dan l-aħħar. Fosthom il-fatt li l-pażjenti fl-emerġenza qed ikollhom jistennew bejn 8 u 10 sigħat sabiex jissejħu għal vista, nies fuq stretchers, oħrajn fil-kurituri, operazzjonijiet li jitħassru, u waiting lists li komplew jitwalu.

Il-verità hi li proġetti ġodda fis-settur tas-saħħa – li hu tant essenzjani – spiċċaw qatt ma saru minħabba li l-ftehim li l-Gvern għamel ma’ Vitals kien wieħed frawdolenti u ma wassal għall-ebda investiment; anzi wassal biex insterqu €400 miljun mill-but tal-poplu Malti u Għawdxi.

Flus li l-Gvern Malti fl-ebda ħin ma ta garanzija li se jirkupra hekk kif ftit tal-jiem ilu l-kumpanija Steward iddikjarat li falliet.