L-aggressur li, nhar l-Erbgħa, fetaħ in-nar fuq il-Prim Ministru tas-Slovakkja, Robert Fico, tressaq il-qorti fejn inqratlu l-akkuża uffiċjali dwar attentat ta’ qtil u meta hu jista’ jeħel il-ħabs għal għomru.
Il-Ministeru tal-Intern fi Bratislava, wara, stqarr li r-raġel ‘aġixxa waħdu’ fl-attakk li ħalla lil Fico midrub serjament. Intant, ingħad li l-azzjoni kienet relatata mar-riżultat tal-elezzjoni ta’ April għall-Presidenza tas-Slovakkja li ntrebħet mkinn Peter Pellegrini; alleat ta’ Fico u populista bħalu.
L-isparatura tal-Erbgħa — f’ħin meta l-Prim Ministru kien ikkonkluda attività politika fl-inħawi ta’ Handlova — xprunat mhux ftit tat-tensjoni politika fis-Slovakkja, bil-Viċi-Prim Ministru Slovakk, Tomas Taraba, iwaħħal fil-partiti tal-Oppożizzjoni talli huma, allegatament, qed iferrxu ‘in-narrativi foloz’ ….Narrativi li skont hu qegħdin jingħataw ‘b’mod irresponsabbli u bil-ħsieb li dawn iwasslu għall-vjolenza politika.’
Tomas Taraba, waqt intervista lill-programm ‘Tonight’ tal-Istazzjon Britanniku BBC, qal ukoll li ‘il-Prim Ministru Fico kien ilu jesprimi inkwiet dwar il-potenzjal ta’ vjolenza politika partikulari f’pajjiżu’ u li ‘il-pronostiku (ta’ Robert Fico) kellu jkun preċiż fiċ-ċirkustanzi inkwetanti għall-pajjiż u speċjalment il-poplu’.
Hu wkoll sinifikattiv il-fatt li l-isparatura tal-Erbgħa kellha sseħħ fil-jum proprju meta l-Parlament fi Bratislava beda jiddiskuti l-proposta tal-Gvern biex jabolixxi x-Xandar Pubbliku RTVS tas-Slovakkja.
Fl-aħħar ġimgħat, eluf kbar ta’ Slovakki kienu protestaw dwar ir-riformi proposti fit-Televiżjoni tal-Istat. Iżda nhar l-Erbgħa, l-Oppożizzjoni fi Bratislava ħassret minnufih dimostrazzjoni ta’ rabja malli sar magħruf li l-Prim Ministru kien spiċċa attakkat u li l-konsegwenzi setgħu jirriżultaw fatali.
Il-kundizzjoni tal-Prim Ministru Slovakk, Robert Fico hi irrappurtata bħala serja ħafna. Intant, l-investigazzjoni dwar x’wassal għall-attakk qed tkompli, bil-pajjiżi sħab tal-Islovakkja fl-Unjoni Ewropea qegħdin isegwu l-iżviluppi b’attenzjoni kbira. L-attakk fuq Fico, politiku veteran li fil-passat kien involut f’diversi kontroversji, hu bla dubju l-aktar wieħed serju li qatt sar fuq il-Mexxej ta’ pajjiż imsieħeb fl-Unjoni Ewropea.
//= $special ?>