Lokali

“L-ebda ċarezza dwar kif se jiġu implimentati l-miżuri tal-manifest” – EHO b’biża’ ta’ estinzjoni tal-professjoni

L-Assoċjazzjoni tal-Environmental Health Officers (EHO) qed turi t-tħassib tagħha dwar il-fatt li f’pajjiżna kapaċi naraw l-estinzjoni tal-professjoni kif nafuha llum wara azzjonijiet li ttieħdu minn entitajiet tal-Gvern f’dawn l-aħħar xhur.

L-EHO qalet li dmirijiet oħra li bħalissa huma taħt il-mandat tad-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali jistgħu jiġu trasferiti lil entitajiet oħra, u fl-aħħar mill-aħħar iwassal għall-estinzjoni tal-professjoni tal-EHO.

Fi stqarrija, l-EHO għamlet petizzjoni fid-Direttorat tagħha, b’aktar minn 90% tal-membri tagħha qablu li jibqgħu u jkomplu jaħdmu mad-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali. L-Analisti tas-Saħħa Pubblika u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Mediċina tas-Saħħa Pubblika appoġġaw ukoll il-petizzjoni, u ma qablux bil-qawwa mat-tneħħija tar-responsabbiltajiet relatati mal-ikel mid-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali u t-trasferiment tagħhom lill-MAFA, peress li s-sikurezza tal-ikel hija prijorità ewlenija tas-saħħa pubblika.

Din ir-reżistenza qed issir bl-għan li tinżamm l-istruttura attwali mingħajr tibdil u li jissaħħu l-operazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-Sigurtà fl-Ikel taħt il-Ministeru tas-Saħħa, billi tipprovdi l-ħaddiema meħtieġa biex topera b’mod aktar effettiv.

L-assoċjazzjoni rat fl-aħħar snin il-waqfien tax-xogħol part-time għal EHO’s kollha, il-klassifikazzjoni tax-xogħol bħala professjoni f’riskju għoli fir-revolving doors policy, spezzjonijiet li jinvolvu parametri mhux relatati mad-dmirijiet tal-EHO, bħal dawk inklużi fl-ispezzjonijiet tat-tablets u spezzjonijiet fl-iskejjel fuq nutrizzjoni u in-nuqqas ta’ investiment fil-Laboratorju tas-Saħħa Pubblika li jirriżulta fit-telf tal-akkreditazzjoni. Dawn il-kwistjonijiet qajmu tħassib dwar l-stabbiltà tal-professjoni.

Il-maniġment preċedenti, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika (SPH), il-Ministru tas-Saħħa preċedenti, u s- Segretarju Permanenti Ewlieni preċedenti kienu assigurawhom li l-professjoni ma kinitx f’riskju u ma kienx se jseħħ tibdil. Iżda żviluppi riċenti jissuġġerixxu mod ieħor tant li m’hemm l-ebda ċarezza dwar kif se jiġu implimentati l-miżuri tal-manifest.