Lokali

Pressjoni biex Edward Scicluna jitneħħa minn Gvernatur tal-Bank Ċentrali

Ma jaqtgħu xejn l-appelli sabiex Edward Scicluna jwarrab mill-pożizzjoni ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali minnufih, u jekk dan ma jseħħx, Robert Abela għandu jneħħih.

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret il-Ħamis filgħodu, ix-Shadow Ministers Graham Bencini u Jerome Caruana Cilia flimkien mal-MEP u kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew David Casa, qalu li jekk Scicluna jibqa’ f’din il-pożizzjoni tant importanti, ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna se tibqa’ ssirilha ħsara irreparabbli.

Dan kollu faqqa wara li isem Scicluna – l-Eks Ministru tal-Finanzi – kien implikat fl-Inkjesta Vitals. Il-Prim Ministru qed jibqa’ jiddefendih għaliex fi kliemu stess ”jaf x’raġel hu”.

Quddiem din ir-realtà, Graham Bencini insista li huwa ovvju li l-uniku interess ta’ Scicluna huma l-flus li qed idaħħal f’butu minn fuq dahar il-poplu Malti u Għawdxi. Xi ħaġa li qed tħalli ħsara kbira minħabba li persuna f’kariga għolja jinsab akkużat b’reati ta’ frodi.

Minn naħa tiegħu, id-deputat Jerome Caruana Cilia insista li Scicluna għandu r-responsabbiltà li jirriżenja jew jitneħħa minnufih. Dan hekk kif il-ħsara li għaddejja b’din il-kriżi li qed jaffacċċja l-Gvern ma saritx biss f’pajjiżna iżda anke nxterrdet f’pajjiżi internazzjonali, u b’hekk jeħtieġ nifs ġdid fil-politika.

Indirizza wkoll il-konferenza David Casa, illi minn naħa tiegħu qal li Edward Scicluna jew persuni oħra qatt m’għandhom jingħataw preferenza għas-sempliċi raġuni li għandhom kariga għolja.

Intant, David Casa fakkar li kiteb ukoll lill-President tal-Bank Centrali Ewropew, Christine Lagarde, biex anke hi tieħu azzjoni quddiem din is-sitwazzjoni inkwetanti.