Lokali

“Qed ngħixu l-pjaga tal-għoli tal-ħajja, tat-traffiku u tal-qerda tal-ambjent” – Bernard Grech

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech iddedika jum ieħor għar-residenti tal-irħula. Din id-darba għażel li jqatta’ xi ħin qalb l-Imġarrin sabiex jisma’ l-isfidi li jesperjenzaw ta’ kuljum.

Bernard Grech qal li qed naraw realtà tal-biki li l-Gvern Laburista tefagħna fiha.

“Ir-realtà tan-nies hi l-pjaga tal-għoli tal-ħajja, in-nuqqas ta’ tmexxija serja, it-traffiku. Gvern bla pjan fit-tul. Din hi r-realtà li qed iħossu b’idejhom in-nies. Gvern li jaħli l-flus u ma jaħsibx fil-poplu Malti u Għawdxi.”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar kif it-tmexxija ta’ Robert Abela serqet il-miljuni ta’ ewro minflok investihom fis-saħħa tan-nies. Hu appella biex kull individwu jivvota fit-8 ta’ Ġunju sabiex jagħżel it-tmexxija li jixtieq fil-lokalitajiet tagħna u anke fil-Parlament Ewropew.

Preżenti għal din il-laqgħa fl-Imġarr kien hemm għadd ta’ deputati, kandidati tal-Kunsill Lokali u tal-Parlament Ewropew.