Lokali

“Sraqtuna – Irridu lil Malta lura”: Eluf jattendu għall-protesta fil-Belt Valletta

“Sraqtuna – Irridu lil Malta lura.”

Din kienet l-għajta ta’ eluf ta’ persuni preżenti għall-protesta fil-Belt Valletta organizzata minn 22 għaqda; protesta organizzata bil-għan li jkollna Malta aktar nadifa. Il-mixja bdiet fil-bidu ta’ Triq ir-Repubblika u laħqet il-qofol tagħha quddiem il-Qorti fejn tkellmu numru ta’ persuni fosthom studenti.

Preżenti għal din il-protesta kien hemm ukoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech flimkien ma’ martu AnneMarie Grech. Għal din il-protesta kien hemm ukoll numru ta’ deputati tal-Partit Nazzjonalista.

Megan Mallia – Attivista

Waqt id-diskors tagħha, in-neputija tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Megan Mallia, saħqet fuq l-importanza li kull individwu jsemma’ leħnu għad-drittijiet tiegħu kif ukoll biex ikollna pajjiż nadif. Hija qalet li din l-Inkjesta hija konferma li għall-Gvern Malti l-poplu qatt ma kien prijorità tant li nsteraq €400 miljun minn butu. Għaldaqstant hija qalet li tittama li ssir ġustizzja totali mal-poplu, dan filwaqt li dawk kollha responsabbli jħallsu ta’ għemilhom.

Pia Zammit – Occupy Justice

Pia Zammit saħqet li qegħdin hawn għaliex fis-16 tax-xahar ifakkru li Daphne kellha raġun u ġiet maqtula għal kliemha. Hija fakkret li Daphne kellha raġun meta kważi għaxar snin ilu f’Marzu tal-2015, daqqet l-allarm dwar il-bejgħ tal-isptarijiet ta ’Saint Luke’s, Karin Grech u ta’ Għawdex. Apparti minn hekk, hija kkundannat bil-qawwa kollha l-attakki ta’ Robert Abela fuq il-ġudikatura, fuq il-Maġistrat Gabriella Vella kif ukoll fuq il-ġurnalisti.

Hija qalet ukoll li l-kelma ta’ Prim Ministru għandha impatt qawwi fuq il-poplu. Dan filwaqt li qalet li għalkemm Robert Abela jaf dan, il-fatt minn naħa qed jappella għall-kalma iżda fl-istess nifs qed isaħħan l-irjus. Hawnhekk, Pia Zammit sostniet li Robert Abela qed jabbuża mill-awtorità li għandu billi jkeskes lis-segwaċi tiegħu.

Norman Vella

Fil-bidu tad-diskors tiegħu, Norman Vella fakkar fir-rebħa li kellu fil-Qorti matul il-jum tal-Erbgħa –sentenza li damet 11-il sena. Huwa fakkar li ngħatat sentenza li kkundannat bl-iktar mod ċar lill-Eks Prim Ministru Joseph Muscat u lill-Eks Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar. F’sentenza definittiva, il-Kummissjoni dwar l-Impjiegi qalet li Muscat u Cutajar wettqu “diskriminazzjoni politika” … wettqu diskriminazzjoni li fi kliem il-Qorti “mhijiex ġustifikabbli f’soċjetà demokratika”.

Norman Vella sostna li l-poter politiku m’għandu qatt jintuża biex isiru l-vendikazzjonijiet u wisq inqas għandu jintuża biex ikunu kkastigati l-ġurnalisti, il-ħaddiema u l-funzjonarji tal-istat li ma jbaxxux rashom għall-intimidazzjoni u t-theddid. Huwa saħaq li din id-dimostrazzjoni hija importanti ħafna għaliex min qed jaqdi dmiru lejn il-poplu, min qed ikun leali lejn il-ġurament li ħa lejn pajjiżna, dawk li qed iġibu l-interessi tal-ġustizzja u tal-poplu Malti u Għawdxi l-ewwel u qabel kollox jixirqilhom u għandhom bżonn l-appoġġ.

Sarah Xuereb – KNŻ

L-istudenta Sarah Xuereb qalet li dawk kollha preżenti għandhom twemmin komuni; li pajjiżna preżentament għaddej minn żmien ta’ taqlib u li flimkien jixtiequ pajjiż aħjar. Hija qalet li din il-protesta qed issir sabiex tintwera solidarjetà mal-ġudikatura kif ukoll qed issir bħala talba għal riforma tant bżonjuża. Apparti minn hekk, hija kkundannat l-attakki ta’ Robert Abela fuq il-ġudikatura kif ukoll fil-konfront tal-ġurnalisti.

Sarah Xuereb spjegat li l-ġudikatura ta’ Malta, stabbilità fil-Kostituzzjoni bħala sistema ġerarkika ta’ Qrati Superjuri u Inferjuri, ippreseduta minn imħallfin u maġistrati, tirrappreżenta l-valuri demokratiċi tal-ġustizzja u l-ugwaljanza. Dan filwaqt li qalet b’rispett lejn il-ġurnalisti f’pajjiżna għandna nirringrazzjaw il-ħidma tagħhom bħala watchdogs, fejn jistinkaw biex jaqsmu informazzjoni li hija fid-dritt tal-poplu li jkun jafu.

Robert Louis Fenech Moviment Graffitti

Robert Louis Fenech appella lill-Prim Ministru Robert Abela sabiex iħalli l-istituzzjonijiet jaħdmu flok jinfexx bl-attakki fuqhom kif ukoll jinfexx b’attakki fuq il-midja. Huwa qal li inaċċettabbli li Robert Abela qed jipprova jimmina x-xogħlijiet tal-Qrati u tal-ġurnalisti sabiex jipproteġi lil dawk li ffrodaw lill-pajjiżna u lill-poplu Malti u Għawdxi.

Huwa saħaq li kull min hu involut f’dan id-deal frawdolenti għandu jerfa’ responsabbiltà ta’ għemilu għall-ġid tal-pajjiż.

Vicki Ann Cremona – President ta’ Repubblika

Il-President ta’ Repubblika Vicki Ann Cremona qalet li fid-deal frawdolenti tal-isptarijiet ma sar l-ebda investiment fis-settur tas-saħħa iżda minflok il-poplu spiċċa nsteraq €400 miljun minn butu. Hawnhekk hija fakkret li Steward hija kumpanija falluta bil-poplu Malti u Għawdxi qed jispiċċa jistenna s-sigħat sabiex jinqeda.

Hija saħqet li Robert Abela, Joseph Muscat u l-klikka tagħhom daħku bil-poplu kollu u għalhekk għandha tkompli l-għajta sabiex issir ġustizzja. Il-President ta’ Repubblika sostniet li ħadd m’għandu jxekkel il-ħidma tal-ġustizzja.

Luke Bonanno – KSU

Minn naħa tiegħu, l-istudent Luke Bonanno qal li bħala żagħżugħ dawn l-aħħar ġimgħat nisslu fih rabja kbira hekk kif l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna qed jiġu diżrispettati u trattati qishom xi logħba għall-Gvern. Huwa qal li meta kien l-iskola sekondarja ġie mgħallem dwar is-separazzjoni tal-poter jiġifieri tal-leġiżlattiv, l-eżekuttiv u dak tal-Qrati. Iżda fi kliemu, Bonanno qal li ironikament il-Prim Ministru qed iġib ruħu daqslikieku lanqas biss jaf li teżisti din is-separazzjoni.

Apparti minn hekk, huwa kkundanna d-diskorsi tal-Prim Ministru Robert Abela fl-aħħar ġimgħat hekk kif kien qal li dawk li qed isabbtu saqajhom huma l-establishment. Hawnhekk, huwa spjega li ‘establishment’ tirreferi għal dawk in-nies li għandhom il-poter jikkontrollaw il-pajjiż. Intant, huwa appella lill-istudenti sabiex ikomplu jsemmgħu leħinhom sabiex ikollna Malta aħjar.

Robert Aquilina – President Onorarju ta’ Repubblika

Fid-diskors tiegħu, il-President Onorarju ta’ Repubblika Robert Aquilina qal li dan huwa mument ta’ verità fl-istorja ta’ pajjiżna. Huwa qal li għalkemm wasalna fil-punt li permezz tal-Inkjesta miksuba minn Repubblika se jitressqu l-Qorti l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat u bosta mill-kompliċi tiegħu. Huwa saħaq li fadal ħafna battalji oħra li fuqhom jeħtieġ li naslu. Hawnhekk, Robert Aqulina qal li llum għandna nirrikonoxxu li sar pass ta’ ġgant biex f’pajjiżna ma jibqax ikun hawn min jitqies li huwa ‘l fuq mil-liġi.

Barra minn hekk, Robert Aquilina qal li jinsab ferm inkwetat, dan għaliex qed naraw Eks Prim Ministru li fit-tentattiv iddisprat tiegħu li jaħrab il-konsegwenzi ta’ għemilu, qed iwettaq kampanja oxxena ta’ manipulazzjoni u mibegħda kontra l-Qrati ta’ pajjiżna.

Intant, huwa appella lil Robert Abela sabiex ibiddel ir-rotta li qabad għal pajjiżna u jħalli l-istituzzjonijiet jaħdmu mingħajr ma ssir ebda pressjoni fuqhom.