Lokali Mużika

Stennija għall-kunċerti ta’ Umberto Tozzi u Anastacia fis-Summer Lust f’Ħal Għaxaq

Umberto Tozzi
Noel D’Anastas: ndanastas@gmail.com

L-Għaxaq Music Events se jerġgħu jippreżentaw fi tmiem din il-ġimgħa edizzjoni oħra tas-Summer Lust, edizzjoni li se tkun akbar mill-edizzjonijiet preċidenti bis-sehem ta’ żewġ artisti kbar fix-xena mużikali internazzjonali.

Għada l-Ġimgħa, 17 ta’ Mejju, fl-Għaxaq Grounds se jittella’ kunċert minn Umberto Tozzi, u l-għada, l-istess post jilqa’ lil Anastacia. Sew Umberto Tozzi kif ukoll Anastacia, din mhix se tkun l-ewwel żjara tagħhom fostna.

Ftit tal-ġimgħat ilu, Umberto Tozzi ħabbar l-aħħar tour tiegħu li se jieħdu fi tliet kontinenti. Tozzi f’karrierata’ 50 sena, għandu ammirazzjoni madwar id-dinja grazzi għas-suċċess kbir li kiseb bis-siltiet ‘Ti amo’, ‘Gloria’ u ‘Tu’ fost bejgħ ta’ aktar minn 80 miljun diska mibjugħa. Il-kantant Taljan qed iwassal fi tmiem dan il-vjaġġ mużikali permezz ta’ dan it-tour.

L-għanijiet milħuqa matul dawn il-50 sena minn Tozzi jinkludu aktar minn 2,000 kunċert madwar id-dinja kollha, Golden Globe (1982), nominazzjoni għall-Grammy Awards (ħajr għal ‘Gloria’ fil-verżjoni kantata minn Laura Branigan), kanzunetti inklużi fil-Grammy Awards, kolonni soundtracks ta’ films kult u serje TV ta’ suċċess (minn ‘The Wolf of Wall Street’ sa ‘La Casa di Carta’), kif ukoll ir-rebħa fil-Festival ta’ Sanremo u fil-Festivalbar.

‘L’ultima notte rosa’, huwa l-isem ta’ dan it-tour għall-2024 u l-2025. Tozzi għażel li jniedi dan it-tour proprju f’Malta, segwit b’kunċert lejn l-aħħar ta’ dan ix-xahar fir-Rumanija biex imbagħad ikompli l-kunċerti fl-Italja. Biex jiċċelebra dan l-avveniment, fit-22 ta’ Marzu nieda l-verżjoni ġdida, mhux rilaxxata ta’ ‘Donna amore mia’ fi dwett ma’ Giuliano Sangiorgi.

It-tħabbira sorpriża ta’ din l-aħħar mawra waslet fil-15 ta’ Marzu 2024, mit-Teatru Olympia, l-eqdem sala tal-kunċerti f’Pariġi.

Tozzi mistenni jwasslilna diversi kanzunetti mir-ripertorju vast tiegħu, fosthom ‘Dimmi di no’, ‘Immensamente’, ‘Io muoio di te’, ‘Stella stai’, ‘Io camminerò’, ‘Notte rosa’, u s-suċċessi l-kbar, ‘Tu’, ‘Gloria’, u ‘Ti amo’.

Fil-kunċert ta’ Tozzi, se jkun hemm The Travellers bħala supporting act filwaqt li DJ Alex Grech jippreżenta l-lejla u jtemm l-ispettaklu b’għażla tiegħu.

Kunċert kbir ieħor minn Anastacia

L-għada jkun imiss lil Anastacia li twassal spettaklu garantit. Anastacia diġà kienet f’Malta fl-2015 meta ħadet sehem fil-kunċert ma’ Joseph Calleja u reġgħat kienet fostna f’Ġunju tal-2018 fejn kienet kantat f’kunċert fl-MFCC, f’Ta’ Qali.

Anastacia mistennija twassal kunċert kbir ieħor lill-bosta ammiraturi tagħha u tant oħrajn li se jagħmlu appuntament ma’ dan l-avveniment bi stennija għall-kanzunetti ‘I’m Outta Love’ u ‘Left Outside Alone’ fost oħrajn, fosthom ‘Not that kind’, ‘Overdue Goodbye’, ‘Cowboys and kisses’, ‘Paid my Dues’, u probabbli li ttina l-verżjoni ‘Sweet Child o’ mine’ tal-Guns N’ Roses.

Anastacia se tkompli t-tour tagħha fil-Ġermanja.

Għal dan il-kunċert se jkun hemm is-sehem tal-artisti lokali Kurt Calleja, Glenn Vella, u l-band Different Minds, b’DJ Ziggy jagħlaq l-avveniment.

Summer Lust 2024 jiġi fi tmiemu wkoll f’Għaxaq Grounds nhar l-24 ta’ Mejju b’edizzjoni speċjali ddedikata lill-mużika u s-suċċessi tas-snin 90 bis-sehem ta’ Corona, Ice MC, Tenishia, Marvin & Andrea Prezioso, u Ryan Spiteri.

Id-dħul għal dawn it-tliet spettakli huwa b’donazzjoni b’risq Dar Bjorn. Dettalji dwar il-biljetti jinkisbu minn showshappening.com. Għal aktar dettalji ara l-paġna fuq facebook.