Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech insista fuq il-bżonn ta’ aktar kuxjenza fuq l-importanza tas-servizzi tal-emerġenza.
Dan qalu l-Ġimgħa filgħodu, waqt żjara li għamel lis-sezzjoni marittima tal-Protezzjoni Ċivili li tinsab f’Kordin, fejn iltaqa’ mal-ħaddiema li ta’ kuljum jagħtu servizz lill-poplu Malti u Għawdxi.
Waqt din iż-żjara, Bernard Grech seta’ jifhem l-importanza tax-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema – xogħol li hu indispensabbli u li jirrikjedi ħafna ħin ‘il bogħod mill-familja.
Id-Direttur Ġenerali tas-CPD, Peter Paul Coleiro, spjega li l-ħidma tal-pumpieri f’din it-taqsima ma tinvolvix biss każijiet fuq il-baħar, iżda anke każijiet fuq l-art – sitwazzjonijiet li jistgħu jikkawżaw periklu kbir għall-ħaddiema.
Filfatt mhux l-ewwel darba li smajna b’każijiet ta’ qsim il-qalb, fejn ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili jispiċċaw iweġġgħu huma stess waqt li jkunu għaddejin bix-xogħol tagħhom ta’ salvataġġ.
Għaldaqstant, kif spjegalna d-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili … dan ix-xogħol jirrikjedi ħafna attenzjoni, taħriġ, u ppjanar kontinwu.
F’kumment li ta lil Net News, Coleiro qal li f’sena, il-protezzjoni ċivili tlaħħaq ma’ kważi 7,000 inċident, b’madwar 2,000 minnhom jinvolvu każijiet ta’ emerġenża fit-toroq.
Peter Paul Coleiro semma kif bejn 3 u 4 inċidenti fil-ġimgħa normalment jinħolqu permezz ta’ nirien fid-djar – statistika allarmanti li hemm bżonn iżjed għarfien dwarha, għaliex fi kliemu mhux biżżejjed li l-faċilitajiet tal-protezzjoni ċivili jkunu mgħammra bl-aħjar apparat u tagħmir .. iżda jeħtieġ iżjed għarfien sabiex jiġu evitati dawn l-inċidenti.
F’din iż-żjara ġie spjegat li preżentament għaddej xogħol ta’ rinnovar fiċ-ċentri tal-protezzjoni ċivili, bil-ħsieb li fix-xhur li ġejjin jinfetaħ ċentru tal-protezzjoni ċivili fil-Magħtab, u wkoll fil-Floriana.
Preżenti għal din iż-żjara mal-Kap tal-PN Bernard Grech kien hemm id-deputat Darren Carabott u l-kandidat tal-PN Peter Agius.
//= $special ?>