Sport

Foiling 100: Sfida ta’ 100km bejn Malta u Sqallija bil-windsurfing

Il-Foiling 100 jiftaħ il-programm tal-avvenimenti madwar il-Yachting Malta Race Week

Numru ta’ windsurfers ta’ kalibru se jieħdu sehem fil-Foiling 100 Challenge, li hi d-distanza ta’ 100km minn Malta sa Ragusa. Din se tkun l-itwal tellieqa tal-windfoil fuq stadju wieħed fid-dinja.

Il-Commodore tal-Malta Young Sailors Club, Christian Bajada, spjega li t-tim organizzattiv tal-Malta Young Sailors Club għandu esperjenza estensiva fl-ospitar ta’ avvenimenti internazzjonali bħall-Euromed u diversi sailing clinics matul is-sena – dan minbarra l-avvenimenti ta’ ranking lokali sanzjonati minn Malta Sailing Federation.

Il-Club huwa msaħħaħ minn atleti b’esperjenza kompetittiva fl-areni Olimpiċi u tal-Kampjonat Dinji, li jiżguraw l-ogħla standards ta’ professjonaliżmu u eċċellenza fl-eżekuzzjoni tal-avveniment li ilhom jaħdmu bla heda lejn dan l-avveniment.

Fil-formazzjoni ta’ atleti għall-isfida Foiling 100 hemm Jean Paul Fleri Soler, li ta’ 59 sena huwa l-akbar u l-aktar b’esperjenza tal-flotta. Filwaqt li huwa pjuttost ġdid fil-Klassi IQ foil, huwa rrappreżenta lil Malta darbtejn fil-Logħob Olimpiku tal-1988 (Seoul) u l-1992 (Barċelona) u rebaħ it-tellieqa Sqallija-Malta Windsurf tliet darbiet.

L-aħwa Miggiani, Karl (26) u Shaun (22) bdew jikkompetu f’din il-klassi erba’ snin ilu. Karl waqqaf rekord nazzjonali ġdid fl-avvenimenti finali ta’ kwalifikazzjoni li wasslu għal din l-isfida. Thomas Zammit Tabona, ta’ 30 sena, għandu snin twal ta’ esperjenza fl-ibburdjuar offshore, u f’età żgħira, kien wieħed mill-iżgħar baħrin li tellaq fir-Rolex Middle Sea Race u kien parti mill-ekwipaġġ ta’ Elusive 2 li rebħu l-edizzjoni tal-2019.

Flimkien mal-baħrin Maltin, ser jikkompetu tliet baħrin minn pajjiżi oħra: il-Ġermanja, l-Olanda, u l-Polonja. Il-Ġermaniż Nico Prien għandu diversi titli ta’ kampjonati u ilu jikkompeti għal dawn l-aħħar 16-il sena; Bob van de Burgt ġej mill-Olanda, ilu jikkompeti għal dawn l-aħħar disa’ snin u bħalissa jinsab fit-22 post tar-rankings; waqt li l-Pollakk Kamil Manowiecki għandu 22 sena u huwa Champion Pollakk multiplu f’diversi kategoriji ta’ windsurfing, midalja tal-fidda fil-Kampjonati Ewropej RS:X u midalja tal-bronż fil-Kampjonati tad-Dinja. Prezentament qed jistudja Malta.

L-avveniment ser jseħħ bejn s-Sibt u l-Ħadd. Ix-xenarju tat-temp għadu fluwidu u għalhekk ser jkun hemm possibilta li t-tellieqa ssir  minn Ragusa għal Malta nhar il-Ħadd. Din il-bidla mhux se taffettwa l-pjanijiet li t-tiġrija tkun fuq distanza ta’ 100km.

Foiling 100 qed jiġi sponsorjat minn Yachting Malta Ltd u appoġġjat minn Visit Malta, Casa Amigos u Enemed.

A