Il-Pulizija fil-belt ta’ Rouen qatlu raġel armat ftit wara li hu kien qabbad nar f’sinagoga….Ir-rapporti qalu li r-raġel, li kellu f’idu sikkina u għodda tal-ħadid qala’ tiri fatali wara li kien hedded direttament lill-uffiċjali tal-pulizija fl-inħawi.
Is-Sindku ta’ Rouen, Nicolas Mayer-Rossignol, qal li l-attakk fuq is-sinagoga ma affettwax biss lill-komunità tal-Lhud fi Franza iżda anki lill-poplu f’din il-belt li jinsab ixxukkjat dwar l-inċident.
Ir-raġel maqtul qed jissemma bħala Alġerin li kien qed jappella kontra direttiva biex hu jispiċċa deportat minn Franza.
Ir-rapporti qalu li l-pulizija wieġbu minnufih għall-inċident fis-sinagoga u wara li l-aggressur kien xeħet bomba tal-petrol fil-bini mit-tieqa ta’ barra. Fil-fatt, ir-raġel kien irnexxielu jitla’ fuq il-bejt tas-sinagoga meta waslu l-ewwel pulizija fuq il-post — u fejn beda jhedded lill-pulizija li pruvaw jipperswaduh biex jinżel u jkellimhom.
Ir-raġel, fl-aħħarnett, niżel fl-art u avviċina lill-pulizija waqt li kien qed ixejjer is-sikkina – b’wieħed mill-pulizija jispara għal fuqu wara li ħass li kien f’periklu għal ħajtu.
Il-prosekuturi qalu li raw l-inċident iseħħ fuq il-filmati li ttieħdu mill-kameras tas-sigurtà fiz-zona. Dan wara li l-iskwadri għall-emerġenzi rnexxielhom jikkontrollaw in-nirien fis-sinagoga li tinsab fil-kwartier storiku ta’ Rouen.
Fl-inċident ma kienx hemm vittmi oħrajn, bl-awtoritajiet jiftħu żewġ investigazzjonijiet — waħda dwar l-attakk dirett kontra sit tad-devozzjoni u l-oħra dwar l-użu ta’ arma tan-nar min-naħa tal-pulizija.