Lokali

“Id-diskors tal-Papa mliena b’sens ta’ ferħ”- l-Isqfijiet f’udjenza mal-Papa Franġisku

Dalgħodu, il-Papa Franġisku laqa’ lill-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex li bħalissa jinsabu f’Ruma għaż-żjara ‘ad limina Apostolorum’, sabiex jagħtu rendikont dwar il-qagħda tal-Knisja f’Malta u Għawdex.

Waqt l-udjenza, il-Papa u l-Isqfijiet tkellmu dwar l-Arċidjoċesi ta’ Malta u d-Djoċesi ta’ Għawdex. Bi preparazzjoni għall-Ġublew tat-Tama li se jsir is-sena d-dieħla, il-Papa Franġisku ħeġġeġ lill-poplu Malti u Għawdxi biex ikun strument ta’ ħniena u mħabba. Fi kliem l-Arċisqof Charles Scicluna, dan il-messaġġ tal-Papa “kkonfermana fil-fidi u fil-missjoni tagħna”.

L-Isqfijiet qalu li l-udjenza li kellhom mal-Papa mliethom b’sens ta’ ferħ hekk kif filwaqt li bierek il-poplu, bi preparazzjoni tal-Ġublew tal-Ħniena ħeġġiġhom ħafna biex ikunu strument ta’ ħniena, ta’ tama u ta’ mħabba, Hu assigurahom ukoll li se jibqa’ viċin tagħhom u tal-poplu kollu.

L-udjenza mal-Papa Franġisku ġabet fi tmiemha ż-żjara tal-Isqfijiet fil-Vatikan fejn matul dawn il-ħamest ijiem iltaqgħu ma’ diversi uffiċjali tas-Santa Sede li jieħdu ħsieb aspetti differenti tal-ħajja tal-Knisja. Din kienet l‑ewwel żjara ‘ad limina’ għall‑Arċisqof Charles Scicluna, l‑Isqof Anton Teuma u l‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi. L‑aħħar darba li l‑Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex marru l‑Vatikan għal din iż‑żjara kien f’Mejju 2012.