Fil-Jum Internazzjonali kontra l-biża’ mill-persuni omosesswali, bisesswali u transesswali, il-Partit Nazzjonalista jwiegħed li se jibqa’ jaħdem sabiex f’pajjiżna jonqos il-preġudizzju lejn persuni ta’ orjentazzjoni sesswali diversi. Minkejja l-progress li sar f’dan il-qasam, il-liġijiet b’saħħithom li jipproteġu persuni LGBTIQ+, u żieda fit-tagħlim f’dan ir-rigward ninnutaw li stħarriġ riċenti li sar fl-Unjoni Ewropea juri li minkejja li naqqset id-diskriminazzjoni, żdiedet il-vjolenza lejn nies LGBTIQ+.
Il-Partit Nazzjonalista japprezza u jifraħ bil-fatt li f’Malta għandna liġijiet tajbin li jħarsu lil dawn il-persuni, iżda fl-istess waqt, nemmnu li baqa’ ħafna xi jsir sabiex il-poplu inġenerali jifhem li kulħadd għandu jkollu l-libertà li jgħix ħajtu kif jixtieq u li l-vjolenza lejn kull persuna hija dejjem kundannabbli u li m’għandu qatt ikun hemm lok fejn il-fobija tista’ tiġi ġġustifikata.
Għal dan il-Jum, il-Forum Opportunitajiet Indaqs tal-Partit Nazzjonalista tella’ avveniment bl-isem Community Connect, u bħala impenn, f’Novembru li ġej se jkun qed jospita l-Laqgħa Ġenerali tal-European Centre Right LGBT Alliance, li tiegħu l-Partit Nazzjonalista huwa membru.
Il-Partit Nazzjonalista jwiegħed li se jibqa’ jaħdem ma’ dawk kollha involuti sabiex nassiguraw li jkollna soċjetà tassew inklussiva.
Dan intqal fi stqarrija maħruġa mix-Shadow Minister Graziella Attard Previ kif ukoll mill-FOIPN.
//= $special ?>