It-tensjoni bejn Iżrael u l-Afrika t’Isfel laħqet livell ġdid wara li l-Iżraeljani akkużaw lit-Tmexxija fi Pretoria dwar attentat biex ‘tqarraq bil-komunità internazzjonali’ għall-ispejjeż tal-Iżraeljani. Dan meta l-Afrika t’Isfel ressqet rikors ieħor lill-Qorti tal-Ġustizzja Internazzjonali biex tisforza t-tmiem tal-kampanja militari tal-Iżraeljani kontra t-terroristi tal-Ħamas f’Rafah, lejn in-nofsinar ta’ Gaza.
Il-Qorti Ewlenija tan-Nazzjonijiet Uniti fl-aħħar sigħat kienet għaddejja bis-smigħ relatat mal-akkużi tal-Afrika t’Isfel….Akkużi fis-sens li ‘Iżrael qed jaħseb biex jeqred il-poplu Palestinjan mill-wiċċ tad-dinja’ – bi stqarrija oħra tfisser il-belt ta’ Rafah bħala ‘l-aħħar fażi ta’ dan il-pjan min-naħa tal-Iżraeljani.’
Sadanittant, l-avukati għal Iżrael, ilbieraħ, ippreżentaw ir-tweġiba tagħhom lill-Qorti. Dan meta l-Qorti f’The Hague diġà qed tikkunsidra każ ieħor – ukoll imressaq mill-Afrika t’Isfel – fejn Iżrael qed ikun akkużat dwar ‘ġenoċidju kontra l-poplu Palestinjan f’Gaza’. Iżrael anki hawnhekk qed jinsisti li l-akkuża hi waħda għal kollox falza u ‘manipulata biex taqdi l-interessi ta’ xi wħud’.
L-Afrika t’Isfel, issa, qed twettaq ukoll pressjoni biex Iżrael jippermetti ‘aċċess bla xkiel’ lejn Gaza għall-ħaddiema tal-għajnuna, il-ġurnalisti u l-investigaturi. Fl-istess ħin, l-aħħar rikors tal-Afrikani qal li l-Iżraeljani ‘fl-aħħar jiem kienu qed jeskalaw il-kampanja ta’ ġenoċidju fl-artijiet ta’ Gaza.’
L-avukat Vaughan Lowe, li qed jirrappreżenta lill-Afrika t’Isfel f’The Hague, qal li l-kampanja tal-Armata Iżraeljana f’Rafah għandha titqies bħala ‘l-aħħar pass ta’ Iżrael biex jeqred għal kollox lill-poplu Palestinjan’.
Lowe kompla li filwaqt li l-każ attwali qed jinvolvi l-kalvarju tan-nies f’Rafah, il-Qorti għandha taċċerta l-protezzjoni għall-Palestinjani kollha bħala grupp nazzjonali u etniku…’Grupp li, għalih, it-theddida ta’ ġenoċidju saret dejjem aktar reali.’
Iżda l-Viċi-Avukat Ġenerali ta’ Iżrael, Gilad Noam, qal li l-Afrika t’Isfel qed ‘iddawwar ir-realtà tas-sitwazzjoni skont kif jaqblilha’ u li l-każ li ressaq dan il-pajjiż ma jirriflettix ‘il-fatti mal-art f’Gaza’.
Gilad Noam, fl-istess ħin, irrepeta l-pożizzjoni ta’ Iżrael fejn insista li l-kampanja militari attwali ‘biss’ tista’ issalva lill-Palestinjani f’Gaza….Hu kompla li l-kampanja f’Rafah qed tikkonċentra fuq l-aħħar fortizzi tat-terroristi li qed iżommu lill-poplu Palestinjan bħala ‘ostaġġi’ f’dawn iċ-ċirkustanzi ta’ gwerra – bl-eliminazzjoni tal-Ħamas għandha twitti t-triq lejn paċi u prosperità fir-reġjun.
Fl-istess ħin, il-Ministeru Iżraeljan għall-Affarijiet Barranin qed jinsisti biex il-Qorti ta’ The Hague ‘tiċħad l-appell tal-Afrika t’Isfel bħala wieħed frivolu…Appell li għandu jitqies bħala abbuż tal-funzjoni tal-istess Qorti ewlenija’.
//= $special ?>