Elezzjonijiet 2024 Lokali

“Każ mibni fuq konġenturi u gideb” – Joseph Muscat

Joseph Muscat jitlob lill-Qorti biex l-Inkjesta ssir pubblika

L-Eks Prim Ministru Joseph Muscat qed jgħid illi wara li ra l-partijiet li ngħata mill-inkjesta li jirrigwardaw lilu, jinsab aktar minn konvint li dan huwa każ mibni fuq konġenturi, gideb, tiġbid tal-fatti u detto del detto. Dan meta (suppost) hu ra biss ir-referenzi li saru għalih; u allura mhux ċar kif wasal għall-konklużjoni li l-Inkjesta hija gideb u konġentura.

Muscat, fuq Facebook, qal li hi x-xewqa tiegħu li dan il-kontenut tal-Inkjesta jippubblikah. Madankollu, “jekk naqbad u nagħmel dan inkun qed nikser il-liġi u niddisprezza l-Qorti”.

“Għalhekk, permezz tal-avukati tiegħi tlabt biex dawn il-partijiet tal-inkjesta jsiru parti mill-proċess tal-kawża quddiem il-Qorti Kostituzzjonali. B’hekk ikunu qed isiru pubbliċi u kulħadd, inkluż ġurnalisti, ikunu jistgħu jkollhom kopja.”

“Dan huwa l-uniku pass li nista’ nieħu biex legalment nippubblika din il-parti tal-inkjesta u jien kommess li nimxi mal-liġi.”

Konvint li jekk dan iseħħ, se jintwera li dan huwa biss kastell tar-ramel li se jitkaxkar mhux biss minn mewġa iżda saħansitra minn tsunami.