Uffiċjali tal-Istati Uniti u ta’ Malta, rappreżentanti ta’ missjonijiet diplomatiċi f’Malta, rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet lokali tad-drittijiet tal-bniedem u s-settur privat ingħaqdu biex jikkomemoraw il-Jum Internazzjonali Kontra l-Omofobija, Bifobija u Transfobija (IDAHOBIT). Il-mistednin iċċelebraw l-avvanzi tad-drittijiet tal-persuni LGBTQI+ f’Malta u madwar id-dinja, iddiskutew l-isfidi li l-persuni LGBTQI+ għadhom jiffaċċjaw globalment, u esploraw modi kif jaħdmu flimkien biex javvanzaw l-ugwaljanza LGBTQI+.
Fost il-kelliema kien hemm Mohamed Ali (Dali) Aguerbi, artist tat-teatru u attivist mit-Tuneżija li huwa bbażat f’Malta; Clayton Mercieca mid-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-gvern Malti; id-deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ; ix-Chargé d’affaires tal-Istati Uniti Ken Toko; membri oħra tal-korp diplomatiku u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili. Il-mistieden speċjali, it-tenur operistiku Malti Joseph Calleja, saħħar lill-mistednin bil-interpretazzjoni tiegħu ta’ “La Vie En Rose.”
Charley Beal, President tal-Fondazzjoni Gilbert Baker tal-Istati Uniti, qasam messaġġ kommoventi f’vidjow li fih ħeġġeġ lin-nies kollha ta’ rieda tajba biex jigġġeldu d-differenzi u d-diviżjonijiet li jfirduna. Huwa qal, “Hemm żmien għall-protesta. Hemm żmien għall-persważjoni ġentili. Allura hekk kif niċċelebraw dan il-jum inkredibbli, ejja niftakru li waqt li nbiddlu l-imħuħ irridu nibdlu wkoll il-qlub, u l-uniku mod kif nagħmlu dan huwa bl-imħabba.”
Fid-diskors tiegħu, Ken Toko enfasizza li l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni LGBTQI+ huma prijoritajiet ewlenin tal-politika domestika u barranija tal-Istati Uniti. Filwaqt li kkwota mill-Memorandum Presidenzjali dwar l-Avvanzament tad-Drittijiet tal-Bniedem ta’ Persuni Lesbjani, Gay, Bisesswali, Transgender, Queer, u Intersesswali madwar id-Dinja, Toko qal: “Il-bnedmin kollha għandhom jiġu ttrattati b’rispett u dinjità u għandhom ikunu jistgħu jgħixu bla biża’ huma min huma jew lil min iħobbu.”
//= $special ?>