L-edukaturi u l-istudenti tagħna huma fost il-ħafna vittmi ta’ dan il-Gvern li qed jibqa’ jwebbes rasu u jżomm idejh.
Matul konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Ministers Justin Schembri, Ivan Castillo u Bernice Bonello, il-Partit Nazzjonalista qal li l-inkompetenza, u n-nuqqas ta’ interess u l-aljenazzjoni ta’ Robert Abela u sħabu qed tissarraf f’edukaturi li tħallew jittalbu għal dak li hu tagħhom u studenti frustrati.
L-MUT fl-aħħar jiem esprimew in-nuqqas ta’ fiduċja fil-Gvern u l-awtoritajiet li suppost qed jaħdmu favur il-ħaddiema fil-qasam tal-edukazzjoni.
Wara li dendlilhom il-karrotta qabel l-elezzjoni ta’ sentejn ilu, Robert Abela mhux talli ma żammx kelmtu mal-għalliema, talli ħallihom b’collective agreement skadut b’aktar minn sentejn u nofs.
Robert Abela ma jinteressahx lanqas mill-edukazzjoni ta’ wlieda. Kieku ma kienx iħalli li l-istudenti tagħna jispiċċaw mingħajr marki tal-eżamijiet wara xhur ta’ studju.
Il-politika ta’ Robert Abela qed twassal biex minn ammont diġà limitat ta’ edukaturi, qed ikun hemm riżenja ta’ tal-anqas għalliem fil-ġimgħa.
Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna l-mod kif il-Gvern qed jiġi jaqa’ u jqum mill-edukaturi tagħna li mingħajrhom is-soċjetà ma tistax timraħ, u mill-istudenti tagħna li diġà għandhom biżżejjed stress ta’ studju, m’għandhomx bżonn aktar ħsibijiet.
Jekk verament irid jieħu ħsieb is-saħħa tal-edukaturi u l-istudenti, Robert Abela għandu minnufih jara li jasal għal ftehim mal-unions dwar salarji u kundizzjonijiet xierqa għall-għalliema u għandu jsolvi minnufih il-ħafna sfidi li qed isibu ma’ wiċċhom l-istudenti żgħażagħ tagħna.
Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ ta’ spalla għall-unions, għall-edukaturi u għall-istudenti. Mingħajrhom is-soċjetà tagħna ma tistax timxi ‘l quddiem.
//= $special ?>