Lokali

L-għalliema urtati għax il-Gvern kellu flus għal Edward Scicluna iżda mhux għall-edukaturi

F’baraxx ta’ kummenti fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Ministeru tal-edukazzjoni, numru ta’ persuni fosthom għalliema esprimew ir-rabja tagħhom għall-Gvern.

Dan fid-dawl tal-fatt li l-Gvern ta’ Robert Abela kompla jkaxkar saqajh mal-edukaturi Maltin u Għawdxin, li wasslet saħanistra sabiex l-MUT tirreġistra tilwima industrijali filwaqt li tat ultimatum ta’ ġimgħa lill-Gvern sabiex iressaq pakkett finanzjarju adekwat għall-għalliema.

Fil-kummenti wieħed jista’ jħoss is-sentiment ta’ rabja fost l-edukaturi, għall-fatt li l-Gvern totalment abbandunahom, u naqas milli jħallashom b’mod adekwat.

B’kumment saħanistra jiddeskrivi r-rabja li għandha għalliema dwar il-fatt li l-Gvern kellu biżejjed flus biex iħallas lil Edward Scicluna u mhux lill-edukaturi.

Intant, għalliema oħra stqarret illi tant għadda żmien bihom il-Gvern, li wasal iż-żmien għal ftehim kollettiv ieħor, dan minħabba l-fatt li dan il-ftehim kollettiv li qed jiġi diskuss huwa dak li kellu jingħata lura fl-2022.

It-tkaxkir tas-saqajn minn naħa tal-Gvern ta’ Robert Abela, qed isarraf f’detriment mhux biss għall-edukaturi Maltin u Għawdxin imma anke għall-istudenti – b’mod speċjali tal-MCAST illi lanqas jafu hux ħa jsiru l-eżamijiet li huma pjanati għall-ġimgħa d-dieħla.