Lokali

“L-għoli tal-ħajja, it-trasport u l-ambjent se jibqgħu prijorità għall-PN”

Waqt dibattitu organizzat mill-Awtorità tax-Xandir, il-kandidata għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Norma Camilleri qalet li l-prijorità tal-Partit Nazzjonalista hi bbażata fuq tliet temi: l-għoli tal-ħajja, it-trasport, u l-ambjent.

Dwar l-għoli tal-ħajja, Norma Camilleri qalet li l-Partit Nazzjonalista ħejja pjan sħiħ sabiex jiġġieled iż-żieda fil-prezzijiet; liema proposti qed jibqgħu jiġu injorati mill-Gvern Laburista.

“Iż-żieda tal-COLA m’għandhix tkun intaxxabli, ikun hemm tax credit biex ma jerġgħux jogħlew il-prezzijiet, ikun maħluq fond nazzjonali għall-importazzjoni u esportazzjoni, u setturi ġodda ta’ xogħlijiet ta’ kwalità.”

B’rabta mat-traffiku, Norma Camilleri qalet li fl-aħħar snin rajna sitwazzjoni li dejjem sejra għall-agħar; sitwazzjoni li qed twassal għal telf ta’ ħin ta’ kuljum.

“Minkejja li ntefqu ħafna flus fuq it-toroq, l-ippjanar ma sarx tajjeb.”

Ġiet diskussa wkoll l-Inkjesta Vitals fejn il-kandidata Nazzjonalista fakkret fil-ħtieġa li toħroġ il-verità kollha.

“Il-Partit Nazzjonalista qed jitlob li l-Inkjesta tkun pubblika ħalli l-verità toħroġ hemm barra. U min m’għandux biża’ mill-verità, m’għandux jibża’ li toħroġ il-verità.”

U ma jistax jonqos li quddiem dan kollu, l-ambjent ma jintesiex, anzi jingħata prijorità hekk kif qed jaffettwa s-saħħa mentali u fiżika ta’ kull Malti u Għawdxi.

“Rajna ftit ġimgħat ilu li l-akbar multi li ħarġet l-ERA kien proprju lejn il-Gvern għaliex dan qata’ s-siġar. Is-siġar, m’hemmx għalfejn tkun espert, li dawn ituk il-frisk u serħan mix-xemx. Allura aħna naqtgħuhom? Kif se nsolvu l-problema?”