Kummerċ Lokali

Magro Brothers b’investiment ta’ €12.5 miljun f’Għawdex

Il-familja Magro ħabbret investiment ieħor f’Għawdex; dak ta’ €12.5 miljun.

Il-kumpanija Magro Brothers hija lokalment sinonima ma’ produzzjoni tal-ikel ta’ kwalità speċjalment għall-Kunserva Three Hills u prodotti popolari tal-Mayor u Ħanini. Però, minn dejjem emmnet fl-esportazzjoni u llum bħala kumpanija fis-settur tal-produzzjoni tat-‘table sauces u condiments’ hi kkunsidrata fost l-aqwa għaxar kumpaniji fl-Ewropa.

Il-kumpanija tixtri kull sena madwar tmenin fil-mija ta’ tadam frisk imkabbar f`Malta u Għawdex mingħand madwar disgħin bidwi u tixtri ħxejjex oħra friski mingħand għaxar bdiewa oħra.

Bħala kumpanija, attwalment tesporta regolarment fi tnejn u għoxrin pajjiż u f’dawn l-aħħar snin investiet biex issaħħaħ il-preżenza fi swieq l-aktar importanti. Għalhekk fetħet l-kumpaniji sussidjarji Magro Brothers (UK) Ltd u Magro Brothers (Ireland) Ltd, ħalli jkunu eqreb lejn dawn is-swieq biex jingħata servizz aħjar lill-klijenti.

Attwalment, il-kumpanija tħaddem 170 ħaddiem u tiġġenera xogħol għal iżjed minn 48 ħaddiem ieħor lokalment, f’servizzi u attivitajiet anċillari. Mill-bidu ta’ din is-sena beda żmien fejn il-kapaċità ta’ produzzjoni hija mimlija 24 siegħa kuljum.

Fis-suq lokali, inżamm il-livell ta’ bejgħ tradizzjonali, iżda llum, tnejn minn kull tliet prodotti qed jiġu esportati. Dan, jimla lid-diretturi b’kuraġġ għal aktar investiment u aktar tisħiħ fis-settur.

Fuq medda ta’ tliet snin, dan l-investiment fil-produzzjoni tat-‘table sauces’, ser ipoġġi l-kumpanija f’pożizzjoni li tirdoppja l-kapaċità preżenti b’teknoloġija mill-aktar avvanzata u speċjalizzata. B’hekk, il-kapaċità tal-produzzjoni ser tkun ta’ daqs u livell tal-aqwa ħames kumpaniji Ewropej f’dan is-settur.

L-ewwel fażi

Din is-sena ser tibda billi ssaħħaħ il-linji attwali b’teknoloġija ‘Hot-Fill’ eżistenti u b’hekk ikunu aċċettati aktar klijenti ġodda kif ukoll aktar spazju f`livell mezzanin biex ikun installati impjant ġdid u akbar għall-ipproċessar taz-zlazi. Se jsir investiment ukoll f’installazzjoni ta’ ‘High Densiry Pallet Racking System’ biex fl-istess spazju, f’żewġt imħażen eżistenti, tiżdied il-kapaċità tagħhom b’70%.

It-tieni fażi

Għas-sena d-dieħla, ser ikompli t-tisħiħ tal-linji eżistenti u l-immodernizzar tal-infrastruttura tal-kumpless industrijali b’impjant ġdid tal-ipproċessar taz-zlazi, u jinbena wkoll livell mezzanin ieħor fuq is-sala attwali tal-produzzjoni biex tkun lesta tilqa’ linja ġdida tal-mili u l-ippakkjar tat-‘table sauces’.

It-tielet fażi

Xiri u installazzjoni ta’ linja ġdida b’teknoloġija ‘Ultra Clean’ u ‘Cold Fill’ flimkien ma’ makkinarju biex jonfoħ u jifforma fliexken tal-plastik riċiklat. B’hekk, ser titnaqqas drastikament l-emissjonijiet fit-trasport ta’ fliexken vojta li bħalissa qed jiġu impurtati. Ser isir tisħiħ ukoll tas-sistema ta’ panelli tax-xemx b’ħamsa u għoxrin fil-mija biex jonqos il-konsum elettriku . Ser tkun estiża wkoll l-installazzjoni tal-‘High Density Pallet Racking System’ fi mħażen oħra eżistenti.

It-teknoloġija li ser tintuża f’dawn il-proġetti hija waħda mill-aktar avvanzata u diġà hemm numru ta’ kumpaniji rinomati Ewropej u Amerikani li qed juru interess biex jibnu l-makkinarju fuq disinn u ħtiġijiet tal-kumpanija.

Dawn il-proġetti huma frott ta’ snin twal ta’ bżulija, kapaċità u dedikazzjoni tat-tim kollu li qed jispira sabiex ikompli l-investiment u t-tisħiħ barra minn xtutna. Dan l-investiment ser jeħtieġ ħmistax-il tekniku ġdid speċjalizzat u ser jiġġenera xogħol addizzjonali għal tmienja u għoxrin persuna oħra f`xogħol anċillari. Fit-twettiq ta’ dawn il-proġetti, ser jkompli l-investiment fil-ħaddiema għal aktar opportunitajiet ġodda li ġġib magħha teknoloġija moderna u ġdida għal gżiritna.

Il-familja Magro temmen fis-suċċess u l-futur tal-azjenda u kburin li xxejjer il-bandiera Maltija kull fejn tkun.