Lokali Temp

Possibbiltà ta’ l-ewwel mewġa ta’ sħana

Wara t-temp ċlampu tal-aħħar jiem, f’dan tmiem il-ġimgħa qed nistennew temp xi ftit aħjar, bil-ħamrija fl-arja mistennija tonqos sal-Ħadd 19 ta’ Mejju.

Minkejja dan, it-temperaturi mistennija jibqgħu pjuttost għolja għal dan iż-żmien tas-sena, tant li mhux qed ikun eskluż li l-gżejjer Maltin jesperjenzaw l-ewwel mewġa tas-sħana għal din is-sena.

Biex perjodu ta’ temp sħun ikun meqjus mewġa tas-sħana, l-ogħla temperatura trid tkun ħames gradi jew aktar sħuna mit-temperatura medja tax-xahar għal tlett ijiem konsekuttivi jew aktar.

Fil-fatt, kemm il-Ġimgħa u s-Sibt, it-temperatura mistennija li tkun laħqet it-30°C, filwaqt li l-Ħadd tinżel ftit għal 28°C. Dan meta t-temperatura medja għax-xahar ta’ Mejju hija ta’ 24.3°C.

Kemm għas-Sibt u anke għall-Ħadd qed nistennew temp pjuttost imsaħħab, bir-riħ mill-Grieg il-Lvant mistenni jkun moderat għal ftit qawwii bejn għada filgħaxija u l-Ħadd.