Ma taqta’ xejn il-mewġa ta’ serqiet miz-zona tal-Imsida, l-Gżira u Tas-Sliema – bl-aħħar post li nsteraq ikun ħanut tal-kafe fil-Gżira; serqa li seħħet fis-siegħat bikrin tas-Sibt filgħodu.
Marilena Gauci sidt il-ħanut ‘Brillace Cafe’ spjegat kif għall-ħabta tas-2am klijent leali ċemplilha fuq il-mobile u spjegala kif il-faċċatta tal-ħanut – li hija tal-ħġieg – dehret imkissra.
Meta maret is-sid flimkien mal-barista sabu l-cash register vojta, waqt li kien evidenti li kien żgassat il-post.
Bħalissa għaddejja ħidma minn diversi membri tal-Pulizija kif ukoll mill-membri tal-forensika sabiex jinstab l-allegat ħalliel – li x’aktarx huwa raġel.
Jidher ukoll li wara s-serqa r-raġel mexxa lejn ħanut ieħor tal-ikel.
Sidt il-ħanut appellat biex kull min għandu xi tip ta’ nformazzjoni jgħaddiha lill-Pulizija, waqt li saħqet li f’zoni fejn hemm bosta ħwienet jeħtieġ ikun hemm aktar sorveljanza mill-Pulizija tal-lokalità hekk kif is-serq f’dawn iz-zoni qed ikun dejjem aktar frekwenti.
Ftit tal-ġimgħat ilu dan l-istazzjon irrapporta wkoll kif fil-lokalità tal-Imsida kien hemm numru kbir ta’ serq fl-istess appartementi. Dan apparti serqiet oħra li ġew rappurtati mill-akwati ta’ Tas-Sliema.
//= $special ?>