Lokali

Bernard Grech qalb in-nies f’Għawdex

Il-kampanja tal-Partit Nazzjonalista tkompli, hekk kif illum il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech żar il-gżira Għawdxija, fejn kompla jiltaqa’ ma’ bosta residenti u sidien ta’ negozji. Dawk li tkellmu ma’ Bernard Grech qasmu miegħu ċerta diffikultajiet li jgħaddu minnhom ta’ kuljum.

Residenti u sidien ta’ negozji Għawdxin tkellmu fuq in-nuqqas ta’ investiment fl-ekonomija Għawdxija tant li bosta Għawdxin jkollhom jinżlu jaħdmu Malta. Ħafna qalu li din il-problema qiegħda fis-seħħ għaliex il-gżira Għawdxija tiddependi wisq fuq is-settur turistiku b’dan iwassal għal varjazzjoni staġjonali fejn f’ċertu perjodi tas-sena l-attività ekonomika tkun bagħtuta.

Bernard Grech tkellem ukoll ma’ bosta Għawdxin li kellhom problemi ta’ saħħa u ma ġewx moqdija fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex u kellhom jinżlu Malta, l-istess sptar ġenerali li ġie mibjugħ lill-barranin għas-suppost investiment li qatt ma sar. Bernard Grech fakkar kif il-miljuni li nsterqu mill-isptarjiet tal-poplu setgħu ġew investiti ferm aħjar.

Ħafna stqarrew ukoll l-inkwiet tagħhom fuq l-ambjent Għawdxi u kif bil-mod il-mod qiegħed jiġi sfruttat bħal ma’ qiegħed isir f’Malta, b’ħafna Għawdxin sostnew li ma jixtiequx li Għawdex li tant iħobbu jitlef il-karatteristiċi uniċi tiegħu.

Jakkumpanjaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien hemm ix-shadow Minister għal Għawdex Alex Borg, flimkien mal-kandidati u kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll il-Kandidati għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew David Agius u David Casa