L-Union tal-Għalliema qed tisħaq u turi bil-fatti li dak li ppropona l-Gvern ta’ Abela lill-MUT fl-10 ta’ Mejju mhux dak li qed jgħid il-Ministru Clifton Grima.
Dan hekk kif filwaqt li Grima qed jisħaq li edukatur ġdid se jibda mis-somma ta’ €36,000 b’żieda ta’ €10,000 assolutament mhux minnu.
L-MUT ippubblikaw estratt fejn spjegaw li illum għalliem ġdid għandu salarju ta’ ftit aktar minn €25,500 b’allowance totali ta’ €3,000 – dan ifisser li bil-proposta tal-Gvern lill-MUT, edukatur ġdid se jkollu żieda ta’ €3,000.

Għaldaqstant l-MUT staqsiet fejn hi din l-imsemmija żieda ta’ €10,000 u s-€36,000 li qed jgħidu l-għalliema ġodda se jibdew bihom.
Huma qed jinsistu li sa ġimgħa ilu dan ċertament ma kienx dak li l-Gvern ta’ Abela ried itihom – apparti minn hekk huma appellawlu biex iż-żieda tkun għal kumplament tal-edukaturi sabiex kulħadd jieħu dak li jistħoqqlu.
Intant, komplew juru dak li rrapportat il-midja Laburista hekk kif ingħad li l-Ministru Grima qal li l-ebda edukatur ma huwa se jiġi mġiegħel jew mitlub jagħmel sigħat addizzjonali.

Fatt li għal darb’oħra l-MUT ikkontestat bil-qawwi…u bil-fatti hekk kif skont il-proposta tal-Gvern għalliema tas-Sekondarja u tal-Middle School se jkunu obbligati għal 29 ta’ lezzjoni fil-ġimgħa.
L-Union sostniet li l-proposta tal-Gvern hi li biex għalliem jiżdied fis-salarju jrid iżid il-lezzjonijiet għal 29 minflok 24.
Għaldaqstant l-MUT staqsiet lill-Gvern xi tfisser il-kelma obliged, u jekk din mhux żieda fis-sigħat? Jew jekk hux sigħat wara l-ħin tal-iskola.
Dan filwaqt li l-MUT insistiet ukoll li mhux vera li l-Gvern qed jipproponi allowance tal-għalliema tal-Kindergarten u l-LSEs imma lill-Heads u l-Assistant Heads biss, dejjem skont estratt tal-proposta tal-Gvern tal-10 ta’ Mejju.
Dan filwaqt li appellaw sabiex ma jinjorax l-arretrati li ilu jwiegħed…u li s’issa ma lissinx kelma dwarhom.
