Lokali

“Il-PN se jibqa’ jagħmel pressjoni għaliex il-poplu għandu dritt ikun jaf il-verità” – Bernard Grech

“Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jagħmel pressjoni fuq Robert Abela dan għaliex il-poplu għandu dritt ikun jaf il-verità kollha.”

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt kollegament telefoniku li sar is-Sibt filgħodu fuq Net FM.

Waqt din l-intervista Bernard Grech għal darb’oħra appella sabiex l-Inkjesta Maġisterjali b’rabta mad-deal frawdolenti li sar ma’ Vitals tkun ippubblikata minnufih dan għaliex il-poplu għandu d-dritt ikun jaf il-verità kollha. Hawnhekk, Bernard Grech fakkar li nies li kienu jokkupaw karigi għoljin qed jaffaċċjaw akkużi serjissimi b’rabta ma’ frodi – bil-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Edward Scicluna għadu qed jokkupa l-kariga tiegħu sal-lum.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar ukoll li f’dan id-deal frawdolenti l-poplu Malti u Għawdxi nsteraq €400 miljun minn butu u ma sar l-ebda investiment fis-settur tas-saħħa.

Bernard Grech qal li fil-Qorti Robert Abela permezz tal-Avukat tal-Istat għamel minn kollox sabiex jopponi t-talba li saret mill-Partit Nazzjonalista sabiex l-Inkjesta Maġisterjali tkun ippubblikata fit-totalità tagħha. Huwa qal li dan ifisser li Robert Abela mhux komdu li l-poplu jkun jaf il-fatti kollha. Hawnhekk, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li din hija konferma li Robert Abela flimkien ma’ numru ta’ persuni oħra għandhom kopja tal-Inkjesta.

Għaldaqstant, Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista ħareġ b’diversi soluzzjonijiet fost l-oħrajn b’rabta mal-ambjent, mal-għoli tal-ħajja kif ukoll b’rabta mal-infrastruttura. Hawnhekk il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar f’numru ta’ proposti fost l-oħrajn li jkollna mudell ekonomiku bbażat fuq il-kwalità u mhux fuq il-kwantità, li jkun hawn Fond Nazzjonali li jgħin lill-importaturi kif ukoll l-esportaturi, li l-COLA ma tkunx intaxxata kif ukoll li l-ambjent issir dritt fundamentali fil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna.