Lokali

Il-President ta’ Malta żżur l-Expo tas-Servizz Pubbliku

Is-Sibt filgħodu, il-President ta’ Malta żaret l-Expo tas-Servizz Pubbliku. Il-President ta’ Malta ntlaqgħet minn rekluti tal-Forzi Armati ta’ Malta, fejn għall-ewwel darba dawn ir-rekluti taw is-salut Presidenzjali lill-President ftit jiem biss qabel itemmu r-reklutaġġ tagħhom.

Il-President awguratilhom kull suċċess fil-karriera tagħhom hekk kif fi ftit jiem oħra, ser ikunu qed jiggradwaw. F’kelmtejn fissritilhom ukoll li l-ewwel u qabel kollox iridu jżommu f’moħħhom is-servizz u l-lealtà lejn il-pajjiż u ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

Iż-żjara tal-Expo tas-Servizz Pubbliku kompliet bil-President ta’ Malta, akkumpanjata mis-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Tony Sultana, fejn flimkien żaru d-diversi impjegati fl-istazzjonijiet esibiti minn kull qasam tas-Servizz Pubbliku.

Kellha l-opportunità li tiltaqa’ mas-Segretarji Permanenti, Diretturi Ġenerali, Diretturi u diversi ħaddiema oħra waqt li kienu qed jispjegaw l-irwoli rispettivi tagħhom. Il-President awguratilhom f’ħidmiethom u rringrazzjathom tal-impenn tagħhom.

Matul din iż-żjara, il-President iltaqgħet ukoll mal-membri tal-pubbliku li wrew interess għall-impenji kollha operati fid-diversi sezzjonijiet tas-Servizz Pubbliku.