Lokali

“Infjammatorju” – Abela jitfixkel fi kliemu stess

Il-Ġimgħa filgħaxija, Robert Abela tfaċċa fil-Kalkara jinawgura l-proġett tal-pjazza li kien ilu jkaxkar xhur sħaħ. U li, kumbinazzjoni, fetħuħ fl-eqqel ta’ kampanja elettorali.

Wara li ntemmet l-attività tal-Gvern, Net News staqsa lil Abela jekk jiddispjaċiħx għall-ħsara kbira li qed jagħmel Edward Scicluna billi żamm postu fil-kariga tiegħu ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali. Dan meta fuq ismu hemm akkużi serjissimi…marbuta mad-deal tal-isptarijiet, li fisser frodi ta’ 400 miljun ewro.

Dan ifisser li Robert Abela qed jibqa’ jiddefendi lil Edward Scicluna minkejja li bosta bosta korpi kostitwiti saħqu li jekk Scicluna se jibqa’ fil-kariga ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali dan se jagħmel ħsara lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Bil-Prim Ministru qed jibqa’ wkoll issabbat saqajh minkejja li 22 għaqda fosthom il-UĦM, il-KSU, il-KNZ, Repubblika, l-Aditus u l-Moiviment Graffiti ħarġu jipprotestaw biex ikollna tassew ‘Malta Nadifa’ – Gvern li qed jibqa’ jinjora lil dawn l-għaqdiet kollha, inkluż l-istudenti tal-Liġi, u aktar minn 200 akkademiku mill-Università ta’ Malta.