Il-qawwiet Russi komplew bl-offensiva tagħhom fuq numru ta’ villaġġi fl-Ukrajna hekk kif fl-aħħar sigħat rapporti indikaw li l-qawwiet Russi ħadu kontroll ta’ villaġġ ieħor fir-reġjun ta’ Kharkiv.
Il-Ministeru tad-Difiża qal li t-truppi Russi qed ikomplu javvanzaw f’din iż-żona bil-għan li jagħmlu pressjoni fuq il-forzi Ukreni.
Minn naħa tiegħu, il-President Ukren Volodomyr Zelensky wissa li l-offensiva tar-Russja għadha biss fl-ewwel fażi filwaqt li appella għal aktar armamenti sabiex ikunu jistgħu jiddefendu lil arthom.
B’reazzjoni għal din l-offensiva fuq ir-reġjun ta’ Kharkiv, eluf ta’ persuni kellhom jiġu evakwati bil-għan li jkunu protetti mill-offensiva Russa.
L-awtoritajiet Ukreni żvelaw li ġew evakwati madwar 8,000 ċivili. Dan apparti li spjegaw li t-tattika tal-qawwiet Russi hija cara – li l-villaġġi jeqirduhom għal kollox qabel ma javvanzaw it-truppi.
Intant, matul il-lejl il-qawwiet Russi attakkaw żewġ faċilitajiet tal-enerġija fl-Ukrajna iżda fortunatament ma kienx hemm qtugħ tad-dawl fil-madwar. Dan apparti li komplew bl-attakki f’Kharkiv b’tal anqas ħames persuni tilfu ħajjithom.
//= $special ?>