Fl-isfond tal-kriżi li nħolqot bil-ħruġ ta’ akkużi kriminali b’rabta mal-iskandlu tal-isptarijiet, il-UHM Voice of the Workers u l-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Maltin (CMTU) itennu li f’demokrazija kulħadd għandu dritt għal smigħ xieraq iżda m’għandux ikun hemm theddid minn ċerti politiċi fuq il-ġudikatura.
Aġir bħal dan jibqa’ dejjem ħażin u kundannabbli, irrispettivament jekk min iwettqu jkunx ċittadin komuni, politiku jew f’xi kariga importanti. Għalhek nappellaw biex dawn l-attakki jieqfu immedjatament għax meta l-ġudikatura ġiet attakkata mill-Gvern b’dan il-mod fil-Polonja, l-UE waslet biex twaqqaf il-fondi
Ewropej għal dak il-pajjiż.
Għaldaqstant il-UHM u s-CMTU jappellaw għal sens ta’ responsabbiltà fil-kummenti li jsiru biex jiġu evitati dawn il-konsegwenzi serji għall-pajjiż kollu.