Fid-diskors tiegħu fix-Xagħra Għawdex il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, beda billi jinnota l-isbuħija ta’ Għawdex, u kif din l-isbuħija hija possibli bil-mod għaqli li mxew missirijietna, kuntrarju għal dak li qed jagħmlu l-Gvern tal-Labour, u kif qed jipprovaw jirrovinaw din il-gżira tant sabiħa għall-gwadan personali.
Huwa stqarr li l-Partit Laburista jimpjega nies bl-addoċċ, u kif fl-2013 kien tela’ bl-għajta tal-Meritokrazija, u f’dawn l-aħħar 11-il sena ħlief jara kif se jiggwadanja għalih u għal sħabu m’għamilx.
Bernard Grech spjega d-differenza u enfasiza li taħt tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, kull lokalità se tingħata l-importanza li tinżamm b’mod tajjeb u kif jistħoqq. Grech mhux biss wiegħed dan iżda anke semma l-fatti tax-xogħol kollhu li għamlu Gvernijiet Nazzjonalisti fil-passat.
Apparti minn hekk, Bernard Grech ikkundana bil-qawwi l-interess personali li għandu Robert Abela ma’ bosta nies, u kkundana wkoll l-attakki li għamel il-Prim Ministru kontra bosta għaqdiet, fosthom attakki kontra l-MUT li bħalissa qed jipprotestaw kontra l-pagi tal-għalliema tal-MCAST.
Bernard Grech kompla jżid kif il-Partit Laburista qed jhedded serjament id-demokrazija ta’ pajjiżna, speċjalment bl-attakki kontinwi li jagħmel il-Prim Ministru fuq il-ġurnalisti u l-Qrati tagħna.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kkonkluda billi jħeġġeġ lill-Maltin li jaħsbu fil-futur tagħhom, u fit-8 ta’ Ġunju jivvotaw għall-futur aħjar, fil-lokalitajiet u bħala rappreżentazzjoni fl-Ewropa.
//= $special ?>