“Robert Abela għandu jisma’ l-għajta tal-poplu waqt il-protesti li qed isiru u jitlob ir-riżenja ta’ Edward Scicluna minn Gvernatur tal-Bank Ċentrali.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni fl-editorjal tas-Sibt fil-ġurnal ta’ ‘The Malta Independent’ li tkellem fuq is-saħħa li għandhom il-protesti. Dan hekk kif fl-aħħar ġimagħtejn kellna tliet protesti f’pajjiżna b’rabta mal-akkużi li ħarġu mill-Inkjesta Vitals.
L-editur qal li f’pajjiżna kellna numru ta’ protesti fost l-oħrajn protesti kontra li l-art taż-Żonqor tingħata lill-Università Amerikana, protesti kontra tqaċċit tas-siġar kif ukoll protesti kontra l-korruzzjoni. Bil-protesti li saru fl-2019 huma xhieda għall-poter li għandhom il-protesti dan hekk kif il-protesti saru wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u li wasslu għall-arrest ta’ Yorgen Fenech kif ukoll għar-riżenja ta’ Joseph Muscat.
Issa…pajjiżna għaddej minn sitwazzjoni simili hekk kif il-poplu qed jipprotesta b’rabta mad-deal frawdolenti tal-isptarijiet – deal li fih il-poplu nsteraq €400 miljun minn butu mingħajr ma sar l-ebda investiment fis-settur tas-saħħa. Bil-poplu jinsab irrabjat bl-attakki bla bażi ta’ Robert Abela fuq il-ġudikatura kif ukoll fuq il-ġurnalisti.
L-editorjal għamel ukoll referenza għall-protesti li saru fl-aħħar ġimgħat; il-protesta organizzata mill-istudenti quddiem il-Qorti sabiex tintwera solidarjetà assoluta mal-ġudikatura, il-protesta organizzata mill-Partit Nazzjonalista quddiem il-Parlament kif ukoll il-protesta organizzata minn Repubblika flimkien ma 21 NGO oħra.
Intant, l-editur qal li l-protesti jesprimu r-rabja tal-poplu kif ukoll jitfgħu dawlv fuq dawk l-affarijiet li l-poplu mhuwiex kuntent bihom. U allura, Robert Abela għandu jisma’ minn dak li qed jgħid l-poplu u jieħu azzjoni għal ġid tal-pajjiż.
//= $special ?>