Ilbieraħ filgħaxija fil-grounds ta’ Ħal Għaxaq, inagħta bidu għal Summer Lust 2024, spettaklu mużikali u divertiment bis-sehem ta’ artisti lokali u internazzjonali.
L-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Summer Lust rat il-bidu tagħha bil-kunċert tal-kantant ċelebri Taljan Umberto Tozzi li għalih dan ma kienx l-ewwel kunċert tiegħu f’Malta.
Fuq stage kbir, dawl u ħoss tajjeb b’attendenza li mliet il-ground kollu, Umberto Tozzi flimkien mal-band tiegħu ta l-aqwa tas-suċċessi tiegħu ta’ karriera ta’ 50 sena u bejgħ ta’ aktar minn 80 miljun diska.
Tozzi fetaħ il-kunċert b’‘Notte rosa’, segwita minn ‘Equivocando’. Warajha ‘Ti Amo’ b’dawk preżenti kulħadd ikanta mal-kanzunetti li min jaf kemm ġabitilhom nostalġija. Il-kunċert kompla b’medley ta’ kanzunetti – ‘Roma Nord’, ‘Qualcosa qualcuno’, ‘Se non avessi te’, ‘Gli innamorati’, u żvolġa b’‘Gli altri siamo noi’ u ’Io camminerò’.
Ma naqsux il-kanzunetti ‘Si può dare di più’ li Tozzi flimkien ma’ Enrico Ruggeri u Gianni Morandi kien rebaħ il-festival ta’ Sanremo fl-1987. Fl-istess sena, Tozzi u Raf kienu rrappreżentaw lill-Italja fil-Eurovision Song Contest bil-kanzunetta ‘Gente di mare’.
Umberto Tozzi temm il-kunċert tiegħu fostna bi tliet siltiet indimentikabbli – ‘Tu’, ‘Stella Stai’, u ‘Gloria’ fost il-logħob tan-nar bil-folla tkanta u ċċapċap.
Il-band Għawdxija The Travellers ta bidu għal dan il-kunċert b’diversi suċċessi tagħom, kif ukoll sensiela ta’ covers li paxxew li kull min kien preżenti. Id-deejay Alex Grech ippreżenta l-ispettaklu b’għażla mużikali tiegħu, u d-doża kompliet ukoll wara tmiem il-kunċert.
Illejla fl-istess post ikun imiss il-kunċert kbir minn Anastacia u s-sehem tal-artisti lokali Kurt Calleja, Glenn Vella u l-band Different Minds, b’DJ Ziggy jagħlaq l-ispettaklu.
Summer Lust 2024 jiġi fi tmiemu wkoll f’Għaxaq Grounds nhar l-24 ta’ Mejju b’edizzjoni speċjali ddedikata lill-mużika u s-suċċessi tas-snin 90 bis-sehem ta’ Corona, Ice MC, Tenishia, Marvin & Andrea Prezioso, u Ryan Spiteri.
Id-dħul minn dawn l-ispettakli sejrin imorru għal Dar Bjorn. Il-biljetti jinkisbu minn showshappening.com.
Rapport sħiħ taż-żewġ kunċerti fil-ħarġa ta’ In-Nazzjon ta’ nhar it-Tlieta, 21 ta’ Mejju 2024.
//= $special ?>