Lokali

“Ġew misruqa €400 miljun taħtu bħala Prim Ministru”

F’numru ta’ intervista li għamel l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat fl-aħħar ġimgħat, huwa saħaq li jinsab konvint li mhux se jinstab ħati tal-ebda akkuża fosthom frodi u ħasil ta’ flus b’rabta mad-deal tal-Vitals. Dan filwaqt li għadu s’issa ma żerżaqx imqar kelma waħda favur sħabu, Keith Schembri u Konrad Mizzi; l-istess persuni li Muscat kien jaħdem id f’id magħhom fil-kabinett Laburista taħt it-tmexxija tiegħu.

Quddiem dan kollu, f’intervista li saret lill-MEP u kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, David Casa, waqt il-programm ‘Vi jew Va’, qal li s’issa nafu żgur fiċ-ċert li Joseph Muscat, bħala mexxej ta’ pajjiżna, ħalla kollox għaddej biex jinsterqu l-miljuni.

“Nafu li ġew misruqa mill-pazjenti tagħna €400 miljun. Min kien Prim Ministru dak iż-żmien? Joseph Muscat. Mela allura ma jistax jgħid li din hearsay. Ġew misruqa €400 miljun taħtu bħala Prim Ministru.”

Mistoqsi dwar il-post vakant għal Kummissarju Ewropew, David Casa qal li dawk kollha madwar Robert Abela qed jagħżlu li jħarsu n-naħa l-oħra quddiem il-kriżi Laburista.

“Jekk dawn in-nies illum mhumiex qed jitolbu biex l-Inkjesta tiġi ppubblikata, jekk dawn in-nies illum iċapċpu meta jsir attakk fuq il-ġurnalisti, dawn se jkollhom problema biex jgħaddu mit-test tal-Parlament Ewropew.”

David Casa qal li l-aġir tal-Gvern Laburista qed jissogra li saħansitra nitilfu l-fondi Ewropew tant importanti għal pajjiżna.

“Jiena nġib fondi lejn Malta u għall-poplu, però nassiguraw li dawk il-fondi vera jintefqu fejn għandhom jintefqu u mhux imorru f’xi but ta’ ministru. Irridu li l-flus li jiġu mill-Parlament Ewropew imorru fejn suppost. Imma biex isir dan irid jieqaf jattakka lill-ġudikatura, lill-ġurnalisti, u tiġi ppubblikata l-Inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Allura iva, jekk ikomplu jagħmlu dan, il-fondi jistgħu jitwaqqfu, però ma jkunx David Casa li waqqafhom, ikun l-aġir tal-Gvern li waqqafhom.”