#muscatgate Lokali

It-Times jikxfu aktar provi kontra Joseph Muscat

Kien qed jissejjaħ “fond ta’ appoġġ politiku” – fond ta’ miljun ewro li nħoloq minn Steward Healthcare u li huwa suspettat li twaqqaf biex jiġu mgħoddija flus lil Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi. Skont is-Sunday Times of Malta – li żvelat dawn il-fatti – il-flus kienu miżmuma minn Accutor AG, kumpanija Żvizzera suspettata li ntużat biex għaddew flus li kienu parti mill-ftehim tal-isptarijiet li jinvolvi lil Vitals u Steward.

It-Times żvelat kif l-investigaturi kienu ffukaw fuq il-fatt illi ftit wara li spiċċaw mill-kariga, kemm Muscat kif ukoll Mizzi ffirmaw deals ta’ konsulenza marbuta ma’ Accutor. Filwaqt li Schembri huwa wkoll suspettat li bbenefika indirettament mill-“political support fund”.

Il-fondi tmexxew minn Steward għal għand Accutor bl-iskuża ta’ ftehim ta’ konsulenza. Il-Kap ta’ Steward, Armin Ernst, kien iddeskriva l-ftehim ta’ Accutor f’email interna ta’ Awwissu 2019 – fond li kien maħsub biex jappoġġja “attivitajiet politiċi u governattivi”.

L-investigaturi kkonkludew li f’nofs dawn il-manuvri kollha kien hemm Muscat, Schembri u Mizzi – bil-ħsieb li aktar tard ikomplu jsaħħu b’mod indipendenti r-relazzjonijiet tagħhom ma’ Accutor. Muscat, Schembri u Mizzi qed jiffaċċjaw akkużi ta’ ħasil ta’ flus u assoċjazzjoni kriminali b’rabta mal-ftehim tal-isptarijiet, flimkien ma’ lista twila ta’ individwi u kumpaniji oħra.

The Sunday Times of Malta rraporta wkoll li esperti finanzjarji qalu li l-eżistenza tal-fond ta’ appoġġ politiku kienet evidenza ċara li l-kumpanija Steward kienet qed taħbi pagamenti lil politiċi… bl-iskuża ta’ servizzi ta’ konsulenza.

L-Eks Prim Ministru kien diġà rċieva erba’ pagamenti ta’ €15,000 mingħand Accutor – fatt li anke Muscat stess ikkonfermah. Il-ġurnal Illum ukoll irrapporta b’mod prominenti dak li għaddej b’rabta mal-Vitals fejn tenna li r-rapport tal-inkjesta diġà beda jdur l-idejn b’mod allarmanti u xokkanti.

Jidher li hemm indikazzjonijiet li s-sidien u s-sensara ta’ Vitals u Steward kellhom kull intenzjoni biex jagħmlu festa ta’ flus mill-proġett ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi. Apparti minn hekk, skont l-Illum, ma setax ikun li Muscat ma kienx jaf b’dan l-aġir ta’ frodi.