Internazzjonali

Iżrael-Gaza: Pressjoni fuq Netanyahu…fost l-insistenza dwar pjan għal wara l-gwerra

Il-Ministru Benny Gantz, li qed imexxi l-Kabinett tal-Gwerra ta’ Iżrael, hedded li jirriżenja dment li l-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, ma jfassalx pjan għall-futur ta’ Gaza… Pjan li jrid li jidħol fis-seħħ mat-tmiem tal-gwerra kontra t-terroristi Palestinjani tal-Ħamas li ilha għaddejja minn Ottubru.

Gantz qed jinsisti bit-8 ta’ Ġunju bħala deadline għal pjan biex ikunu realizzati ‘sitt tragwardi strateġiċi’. Fost it-tragwardi hemm it-tmiem tal-amministrazzjoni tal-Ħamas f’Gaza u t-twaqqif  potenzjali ta’ Gvern ċivili ‘multinazzjonali’ għat-territorji viċin ta’ Iżrael.

Hu, intant, wissa lil Netanyahu biex ‘ ma jagħtix priorità lill-ambizzjonijiet personali teigħu minflok lill-interessi ta’ pajjiżu.’ Fl-istess ħin, Gantz sostna li l-Prim Ministru ma jistax jagħżel ‘il-politika tal-fanatiċi li għandu jwassal lill-pajjiż sa qiegħ l-irdum’, waqt li hedded li hu u l-alleati tiegħu għandhom joħorġu mill-Gvern f’każ li Netanyahu jibqa’ stinat f’din il-politika.

Aktar qabel, il-Ministru Iżraeljan għad-Difiża, Yoav Gallant, ukoll membru fil-Kabinett tal-Gwerra, kien ħeġġeġ lil Netanyahu biex jistqarr pubblikament li mgħandux pjani biex jieħu f’idejh it-tmexxija ċivili u militari ta’ Gaza. Hu wissa li sitwazzjoni bħal din kapaċi tkun waħda kontro-produttiva u li żżid bil-kbir il-problemi għas-sigurtà tal-Iżraeljani.

Min-naħa tiegħu, Benjamin Netanyahu qal li l-kummenti ta’ Benny Gantz huma barra minn lokhom u li hu se jkompli ‘fit-triq tar-rebħa’ waqt il-battalji mal-Ħamas f’Gaza.

Dan meta d-deputati tal-lemin radikali fil-koalizzjoni ta’ Iżrael jemmnu li l-kontroll tal-artijiet ta’ Gaza mill-Iżraeljani hu neċessarju fl-impenn lejn il-qerda tat-theddida terroristika min-naħa tal-Ħamas

 Fl-aħħar sigħat, intant, ma waqfux il-battalji (f’Gaza) bejn it-truppi Iżraeljani u l-Ħamas qalb iz-zoni ta’ Rafah kif ukoll fil-belt ta’ Jabalia…Belt li tinkludi kamp ewlieni għar-refuġjati u fejn hemm ukoll iz-zoni kontrollati mit-terroristi Palestinjani.