Lokali

“L-agħar ħaġa li tista’ tagħmel għal pajjiżek hu li tivvota Labour” – Desmond Zammit Marmarà

“L-agħar ħaġa li tista’ tagħmel għal pajjiżek hu li tivvota Labour.”

Din hi l-opinjoni tal-eks kunsillier Laburista Desmond Zammit Marmarà, f’artiklu ppubblikat minnu fit-Times tal-Ħadd… hekk kif stqarr li qatt ma basar li hu, bħala persuna attiv fil-Labour – sejjer iħeġġeġ lin-nies biex ma jivvotawx għall-partit tiegħu stess.

Desmond Zammit Marmarà qal li b’dispjaċir għal pajjiżu, il-Gvern tal-Labour qabad triq perikoluża  u mhux iħares verament l-interessi tan-nies… u għaldaqstant – fi kliemu – issa wasal żmien li dawk kollha li jħobbu lil pajjiżhom isemmgħu leħinhom għas-sewwa.

L-eks kunsillier Laburista innota li hi tabilħaqq ħasra li l-Gvern immexxi minn Robert Abela, spiċċa jmexxi bla pjan u bla direzzjoni… bl-ogħla esponenti tal-Gvern  jispiċċaw akkuzati b’reati kriminali fil-Qorti – kriżi bla preċedent li tefgħet dawl ikraħ fuq pajjiżna.

Fuq din in-nota… Zammit Marmara insista li l-inkjesta maġisterjali tal-Vitals hija opportunità tad-deheb sabiex jiġi żgurat futur aħjar għal pajjiżna u nassiguraw li ħadd ma jkun ‘il fuq mil-liġi. U niggarantixxu ġustizzja għal kulħadd, is-saltna tad-dritt, governanza tajba u kultura ta’ kontabbiltà fil-ħajja pubblika.

Huwa insista li jekk l-elettorat jivvotta għall-kandidati tal-Labour fl-elezzjonijet li ġejjin, ikun qiegħed jippremja lil min qed jabbuża mill-poter, u japprova l-azzjonijiet perikoluzi ta’ amministrazzjoni Laburista.

Fi kliem iebes, Zammit Marmara insista li min se jazzarda jivvotta lill-kandidati li ħerġin f’isem il-Partit Laburista f’Ġunju li ġej, ifisser li ser jivvotta għal nuqqas ta’ trasparenza u responsabbiltà fil-ħajja pubblika, għal nuqqas ta’ governanza tajba u disprezz tal-istat tad-dritt.