Internazzjonali

L-Iran: Misteru dwar id-destin tal-President Raisi wara inċident bil-ħelikopter

Il-President Iranjan Ebrahim Raisi kien involut f’inċident b’ħelikopter li kellu jagħmel inżul problematiku qalb iċ-ċpar wara li żviluppa l-problemi. Ma’ Raisi fil-ħelikopter kien hemm anki l-Ministru Iranjan għall-Affarijiet Barranin, Hossein Amirabollahian.

Il-ħelikopter kien parti minn konvoj, bl-inċident iseħħ lejn in-naħa ta’ fuq tal-Iran. Id-destin ta’ Raisi u tal-Ministru tiegħu kien inċert sal-ħin li morna għall-istampa.

Dan waqt li l-Gvern Iranjan qal li l-iskwadri tas-salvataġġ kienu qed jippruvaw jaslu sas-sit fejn seħħ l-allegat ‘tiġrif’ u fejn kienu qed jiffaċċjaw il-problemi dovuti għat-temp.

L-inċident seħħ meta Raisi kien qed jivvjaġġa lejn il-belt ta’ Tabriz, fil-majjistral tal-Iran, wara li hu kien għamel żmien f’inħawi tal-fruntiera ta’ pajjiżu mal-Ażerbajġan.

Il-President Raisi hu t-tieni l-aktar Kap influwenti tal-Iran wara l-Ayatollah Ali Khamenei li hu l-Mexxej Suprem tal-Istat fundamentalista.