Il-President Ukren Volodymyr Zelensky qal li r-Russja kapaċi żżid l-attakki fl-inħawi lejn il-grigal tal-Ukrajna. Dan wara li l-militar tal-Kremlin, fl-aħħar sigħat, ħataf il-kontroll ta’ aktar artijiet waqt il-battalji viċin il-belt ewlenija ta’ Kharkiv.
Sadanittant, jidher li r-Russi, waqt l-attakki, qed jużaw tip ta’ bombi li huma projbiti mir-regoli tal-gwerra u li qed iħallu riżultati devastanti fiz-zoni tal-Ukrajna ffullati biċ-ċivili.
Fil-preżent, ir-Russi qed jippruvaw jieħdu f’idejhom il-belt ta’ Kharkiv huma u japprofittaw min-nuqqas ta’ armamenti u munizzjon tal-Ukreni – u bil-qawwiet ta’ Zelensky qed jiffaċċjaw żmenijiet diffiċli fil-kampijiet tal-battalja.
Il-President Zelensky ammetta li n-nuqqasijiet fost il-brigati militari tiegħu huma sinifikanti u li pajjiżu mgħandux biżżejjed sistemi ta’ difiża biex jiddefendi ruħu kontra l-attakki mill-ajru…Dan fost sejħa urġenti oħra biex l-Alleati ta’ Kiev jipprovdu lill-Ukreni b’aktar minn dawn is-sistemi — flimkien mal-ajruplani fighter-jets li kapaċi jagħmlu d-differenza kollha f’dan l-istadju ta’ gwerra.
Meta tkellem dwar il-kapaċitajiet ta’ pajjiżu għal kontra l-attakki tal-qawwiet tal-ajru Russi,Zelensky insista li r-Russja kapaċi tkompli għal żmien b’din l-istrateġija. Dan għaliex l-Ukrajna għandha biss madwar 25 fil-mija tad-difiżi li għandha bżonn biex tirreżisti lill-militar għall-Kremlin għat-tul taż-żmien.
Il-qawwiet Russi, fl-aħħar sigħat, irrankaw l-offensiva ‘tas-sajf’ fuq l-inħawi mal-fruntiera ta’ Kharkiv, li hi t-tieni l-akbar belt tal-Ukrajna. Mistenni wkoll li r-Russi għandhom ikompli jieħdu f’idejhom il-villaġġi Ukreni f’dawn iz-zoni, bl-Ukrajna bl-ebda mod ma taffordja li titlef il-kontroll ta’ Kharkiv minħabba r-riperkussjonijiet koroh inevitabbli.
U waqt li l-gwerra qed tavviċina dejjem aktar iċ-ċentru ta’ Kharkiv, l-eżodu tar-residenti baqa’ għaddej fi tmiem il-ġimgħa u meta mifhum li mal-15,000 ħarġu minn din il-belt fi ftit aktar minn ġimgħa.
Madankollu, il-Gvern Ukren qed jinsisti li s-sitwazzjoni ta’ Kharkiv, għalissa, tinsab taħt kontroll, anki jekk l-għajnuna militari mill-Istati Uniti u l-Alleati tal-Punent mhix tasal lill-Ukreni ‘bir-ritmu li jixtiequ jaraw Zelensky u l-Gvern tiegħu’.
Fi żviluppi oħra, il-Polonja – b’riżultat tal-gwerra fl-Ukrajna – qed taħseb biex tonfoq viċin iż-2.5 biljun ewro biex issaħħaħ il-fruntiera tal-lvant kontra ‘l-għedewwa potenzjali’….Fruntiera delikata li tmiss mal-artijiet tar-Russja, l-Ukrajna u l-Belarus u li kapaċi tkun vulnerabbli għal xi azzjoni militari ‘il quddiem.
//= $special ?>